Brexit
Ex ministru jakkuża lil Boris Johnson li qed jikkomprometti l-possibiltà ta’ ftehim ġdid dwar Brexit

L-ex ministru tal-finanzi Ingliż Philip Hammond akkuża lill-Prim Ministru Boris Johnson li qed jikkomprometti l-possibiltà ta’ ftehim ġdid dwar Brexit billi huwa impossibbli li l-Unjoni Ewropea tilqa’ t-talbiet li qed isiru mill-Prim Ministru Ingliż. Dan jinkludi tibdil propost għall-ftehim maqbul mal-ex Prim Ministru Ingliża Theresa May dwar il-fruntiera mal-Irlanda ta’ Fuq.

F’artiklu ppubblikat fil-ġurnal The Times, Hammond qal li tluq mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim jittradixxi r-riżultat tar-referendum tal-2016 minħabba li l-elettorat ivvota għal Brexit bi ftehim li jipprovdi qafas sostennibbli għall-futur tar-Renju Unit mingħajr sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Philip Hammond, ex ministru tal-finanzi Ingliż qal “well leaving the EU with out a deal would be just as much a betrayal of the referendum result as not leaving at all. The British people were offered a proposition that we could leave the European Union while having a close relationship. They were told it would be the easiest deal ever done, and all the evidence points to people wanting to maintain a close trading relationship with the EU to protect British jobs and British prosperity, and minimize disruption in the future. To set the bar for negotiations so high that we inevitably leave without a deal would be a betrayal and the prime minister said he would get a deal, and we want to see him deliver that deal.”

Separatament f’intervista mal-BBC, Hammond qal ukoll li huwa kunfidenti li l-maġġoranza tal-membri parlamentari Ingliżi m’humiex se jivvotaw biex japprovaw Brexit mingħajr ftehim. Qal li Johnson qed jitmexxa minn persuni li lanqas biss kienu eletti fil-parlament u li qed jipprovaw joħorġu lir-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim.

B’reazzjoni għall-intervista, il-BBC ikkwota uffiċjal minn Downing Street li qal li irrispettivament mit-tentattivi li qed isiru minn Hammond biex jagħmel dak kollu possibbli biex  jostakola n-negozjati, r-Renju Unit huwa deċiż li jitlaq mill-Unjoni ewropea sal-31 ta’ Ottubru.

Hammond ċaħad l-akkuża fi tweet u qal li huwa wkoll vvota għal Brexit u li għamel hekk għal diversi drabi fil-Parlament.