EY se tiftaħ ċentru speċjalizzat f’Malta li se joħloq 50 impjieg ġdid

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li fi żmien ftit xhur oħra l-kumpanija internazzjonali EY (magħrufa sa ftit ilu Ernst and Young), li taħdem fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u l-ekonomija se tiftaħ ċentru f’Malta minn fejn se tibda tipprovdi servizzi speċjalizzati lill-kumpaniji barranin.

Dr Muscat qal li ċ-ċentru se jibda jimpjega 50 impjegat li madankollu mistennija jiżdiedu wara l-ewwel sena. Iċ-ċentru se jibda jaħdem mill-kwartieri ta’ EY Malta fl-Imsida.

PM EY London (1)Il-Prim Ministru ħabbar dan l-investiment waqt li kien qed jindirizza madwar 70 investitur potenzjali fosthom mir-Russja u ċ-Ċina li ġew Londra għall-konferenza organizzata minn EY Malta dwar l-opportunitajiet ta’ investiment li joffru l-gżejjer Maltin bit-tema ‘Malta: Miftuħa għan-negozju’.

Dr Muscat qal li dan l-iżvilupp hu importanti ħafna fil-kuntest ta’ ekonomija li qed tikber u toffri opportunitajiet ta’ xogħol liż-żgħażagħ li jixtiequ jimirħu f’dan is-settur li jħalli valur miżjud fl-ekonomija.

Il-Prim Ministru qal li fl-ewwel disa’ xhur tal-2014, is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta kompla jikber bit-twaqqif ta’ erba’ istituzzjonijiet finanzjarji, 18-il kumpanija li joffru servizzi ta’ investiment u żewġ kumpaniji tal-assikurazzjoni.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru ta ħarsa lejn l-andament tal-ekonomija Maltija li fl-2014 kellha t-tieni l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-UE u fost l-inqas għadd ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol.