Eżami tas-sewqan iktar rigoruż fost il-fatturi li naqsu l-inċidenti

Diversi fatturi fit-toroq, fosthom eżami tas-sewqan iktar rigoruż, l-ispeed cameras u toroq aħjar, jidhru li kkontribwixxew biex jonqsu l-inċidenti. Statistika riċenti turi li s-sena l-oħra naqsu l-inċidenti minkejja li żdiedu l-karozzi fit-toroq.

Francis Valletta, General Manager ta’ Kumpanija tal-Assikurazzjoni qal lil tvm.com.mt li fl-aħħar ħames snin kien hemm tnaqqis ta’ madwar 10 fil-mija fin-numru ta’ ‘claims’, iżda fl-istess waqt it-talbiet għal kumpens mill-assigurazzjoni żdiedu minħabba inċidenti iktar gravi li jiġru l-aktar bil-lejl.

Charles Lia, eżaminatur tas-sewqan, innota titjib mis-sewwieqa żgħażagħ. Saħaq fuq l-importanza li wieħed jippratika malli jikseb il-liċenzja li tingħata bi probation ta’ tliet snin.

Is-Sur Valletta qal li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni iqisu s-sewwieqa ġodda aktar riskjużi u għalhekk iħallsu iżjed ghall-assigurazzjoni.

Demis Tonna, huwa tal-fehma li l-eżami illum huwa serju. Jemmen li min imur imħejji sew għall-eżami m’għandux jeħel.

Cifri miksuba minn tvm.com.mt jikkonfermaw li fl-aħħar snin kien hemm titjib fl-għadd ta’ żgħażagħ li qed jgħaddu mill-eżami tas-sewqan. Fl-2005 għaddew biss 44 fil-mija filwaqt li s-sena l-oħra għaddew 52 fil-mija. Sorsi viċin Transport Malta qalulna li l-iskejjel tas-sewqan qed iħejju aħjar lill-istudenti qabel jitilgħu għall-eżami.