Storja
Eżami xjentifiku fuq l-għadam li nstab fil-Knisja ta’ San Girgor iż-Żejtun

Ħamsin sena wara sejba ta’ passaġġi storiċi u kwantità ta’ għadam fil-Knisja ta’ San Girgor iż-Żejtun, l-Għaqda Wirt iż-Żejtun se tibgħat kampjuni ta’ dan l-għadam barra minn Malta biex isir eżami xjentifiku dwar liema snin għexu fihom dawn in-nies.

Fit-tnax ta’ Marzu tal-1969 saret sejba ta’ passaġġi sigrieti madwar il-kappellun tal-Knisja ta’ San Girgor fiż-Żejtun. F’dawn il-passaġġi nstabu għadam u l-fdalijiet ta’ iżjed minn 50 persuna. Kif spjegalna l-President u l-fundatur tal-Għaqda Wirt iż-Żejtun, il-Perit Ruben Abela, is-sejba saret meta Grezzju Vella li kellu 16-il sena kien qed jgħin lil zijuh fuq xogħol tal-kontrabejt tal-Knisja, fetaħ kaptell u għamel din is-sejba. Qal li kien ilu snin jingħad li madwar il-Knisja ta’ San Girgor hemm passaġġi sigrieti.

Mill-eżamijiet fuq l-għadam irriżulta li huma ta’ rġiel, nisa, tfal u anzjani, bl-ikbar wieħed kellu madwar 70 sena. Sal-lum għadu misteru għaliex dan l-għadam kien f’dan il-passaġġ sigriet.

Il-Perit Ruben Abela qal “kif instab l-għadam inħolqot l-istorja li dawn setgħu kienu Żwieten li nqabdu hawnhekk fl-aħħar ħbit tat-Torok li sar fl-1614 u peress li mietu hawn ġew dan kien il-qabar tagħhom. Eventwalment fl-1979 sar studju minn osteologi u tobba fuq dan l-għadam min-naħa tal-Università ta’ Malta, u t-tir wara dan l-istudju peress li kienet instabet xi ammont ta’ ħamrija f’ċertu rkiekel tas-sinsla tal-għadam, intqal li dawn setgħu kienu midfunin xi mkien li ma setax kien hawnhekk u aktarx l-ispazju intuża bħala ossarju fejn jiġu depożitati l-għadam wara li jinqalgħu mill-oqbra, li wkoll tqajjem mistoqsijiet. Għalfejn dak li jkun ħa dil-biċċa xogħol, qagħad itella’ l-għadam fuq il-bejt, imbagħad tefagħhom ġo dal-passaġġ u meta nstabu ma nstabux munzell taħt il-boċċa imma anke nstabu mferrxin, meta normalment ossarju jkun fiċ-ċimiterju stess jew ikun hemm numru ta’ oqbra riżervati għal hekk.”

Bl-għan li jintefa’ dawl fuq dawn il-mistoqsijiet, Wirt iż-Żejtun bl-għajnuna ta’ Heritage Malta u s-sovrintendenza tal-wirt kulturali, se jibgħat kampjuni tal-għadam barra minn Malta biex isir studju bir-raġġi tal-carbon biex ikun hemm indikazzjoni ta’ meta għexu dawn in-nies.

Fil-passaġġi sigrieti wieħed jinnota fetħiet li jagħtu għal fuq it-Torri ta’ San Luċjan u t-Torri ta’ San Tumas, u dati u inizjali mnaqqxa mal-ħajt. Dawn huma tal-1909 b’inizjali ta’ żewġ persuni fl-istess ġurnata. Il-perit Abela jgħid li probabbilment dawn daħlu fil-passaġġ u ma qalu lil ħadd minħabba li kienet għadha kif għaddiet l-pesta f’Malta u beżgħu li dawn il-persuni mejta setgħu kienu mniġġsin u huma setgħu tniġġsu mill-marda.

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

Tfaqqa kontroversja taħraq dwar il-kwadri fil-Knisja ta’ Ħal Kirkop. Dan wara li fil-festa ta’ San Ġużepp, ix-xahar li għadda l-Kappillan ħabbar li l-Kurja approvat li l-pittura tal-Madonna tad-Duluri li hemm…

Sport

Minn footballer professjonali għal DJ idur mad-dinja b’tours relatati mal-mużika. Dan mhu ħadd ħlief l-ex plejer internazzjonali Taljan, l-attakkant Christian Vieri. Huwa kien Malta għal ftit ħin fejn kien fost…

Kurżitajiet

F’Hollywood tħabbret il-mewt tal-attur u producer Peter Fonda fl-età ta’ 79 sena. Huwa miet wara battalja mal-kanċer. Fonda jibqa’ l-iktar magħruf għall-film li ħadem fih, kiteb u produċa fl-1969 –…

Edukazzjoni

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi qal li wara kampanija li nieda żdied sew l-interess għal korsijiet full-time li joffri. L-ITS qal li kellu żieda ta’ iktar minn 50% fl-applikazzjonijiet meta mqabbel mas-sena…

Aktar