Stejjer Umani
“Eżawriti” – ġenituri ta’ tfal b’diżabilità jagħmluha ta’ għalliema u terapisti

Il-coronavirus fissret piż u pressjoni ferm akbar għal familji ta’ tfal b’diżabilità. Dan għaliex il-pandemija mhux biss ħarbtet ir-rutina ta’ wliedhom li għandhom bżonn attenzjoni u appoġġ kontinwu, imma ħafna minnhom stqarrew li ilhom kważi sitt xhur mingħajr terapija, l-ewwel minabba r-restrizzjonijiet u wara minħabba l-azzjonijiet industrijali li ġew irtirat fl-aħħar jumejn.

Omm spjegat kif tul din il-pandemija spiċċat tagħmilha ta’ għalliema u terapista: “Kienet esperjenza li f’mumenti nista’ ngħid li kont eżawrita!”

Fl-aħħar 170 ġurnata mindu bdiet il-pandemija tal-coronavirus f’Malta, il-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità ffaċċjaw sfidi ferm akbar minn ġenituri oħrajn u li fi kliemhom ma kienux imħejjija għalihom.

Karen Buttigieg hija omm tifel ta’ tmien snin li għandu diżabilità. Hija rrakkontat li waqt li kompliet bil-ħidma tagħha online, qattgħet sigħat tirriċerka dwar kif tista’ tgħin bl-aħjar mod lil binha.

“Kont ukoll qed nagħmel home schooling għat-tifel, kont ukoll qed inservi ta’ terapista jiġifieri kien żmien fejn ħassejt li qiegħda waħdi f’dan kollu jiġifieri plus il-pressjoni u l-biża’ u l-ansjetà ta’ virus li taf li jekk jidħol fid-dar tiegħek fir-realtà tista’ tkun ta’ konsegwenza kbira għat-tifel,” qalet Karen Buttigieg.

Karen Buttigieg li hija membru tal-Kumitat tal-Għaqda Ġenituri ta’ Tfal b’Diżabilità spjegat li numru kbir ta’ tfal b’diżabilità ilhom minn Marzu ma jaraw lit-terapista tagħhom – l-ewwel minħabba l-COVID u fl-aħħar ġimgħat minħabba li l-professjonisti speċjalizzati fil-qasam tas-saħħa kienu qed isegwu direttivi tal-UĦM Voice of the Workers, li ġew sospiżi nhar l-Ħamis li għadda.

“Alavolja fil-privat b’xi mod jew ieħor il-mezzi nstabu jiġifieri se jekk online sew jekk b’mod fiżiku. Tajjeb li ngħidu li kien hemm xi terapisti li kkuntattjaw lill-ġenituri u saru xi sezzjonijiet online jiġifieri din kienet possibilità,” qalet Karen Buttigieg.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna qal li f’dawn iċ-ċirkostanzi ħafna tfal bdew jitilfu l-ħiliet li kienu kisbu fis-snin ta’ qabel. Innota li t-terapija online mhijiex dejjem l-aħjar soluzzjoni speċjalment għal tfal li għandhom ċertu kundizzjonijiet.

“Minħabba li l-persuna b’diżabilità tkun ukoll trid tibni bond mat-terapista/mal-professjonist u għalhekk dejjem sħaqt l-importanza li jsiru b’mof fiżiku,” qal il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna.

Is-Sur Scicluna saħaq li t-terapija hija kruċjali għall-iżvilupp tat-tfal: “Jien persuna b’diżabilità twelid b’diżabilità u l-fatt li jien illum nimxi jiġifier – jiena spina bifida għandi – il-fatt li jien illum nimxi huwa grazzi għat-terapija u għat-terapisti li ħadmu miegħi fil-passat.”