Eżerċizzju juri kemm l-aċċess għall-prostituzzjoni sar faċli f’Malta

Fost diskussjoni sħiħa dwar il-possibilità li l-prostituzzjoni f’pajjiżna jiġi regolarizzat, l-aċċess attwali għall-istess prattiċi sesswali jibqgħu faċli ħafna. ‘Popolin’ stħarreġ dan is-suġġett biex nifhmu aħjar kemm hi faċli jew diffiċli biex wieħed jikseb dan it-tip ta’ servizz.

Għalkemm ħafna jassoċjaw dawn is-servizzi sesswali ma’ toroq jew irħula partikolari, il-prostituzzjoni ma teżistix biss f’dawn l-inħawi. Online, siti partikolari joffru xelta vasta ta’ prostituti kemm nisa kif ukoll irġiel b’indikazzjonijiet ċari dwar il-fattizzi tal-prostituta, l-abitudnijiet tagħha/tiegħu, il-prezzijiet u s-servizzi offruti. Fuq l-istess siti kienu reklamati il-fuq minn ħames mitt persuna, il-maġġoranza l-kbira tagħhom huma nisa.  Is-siti jindikaw numru tat-telefon abbinat ma’ kull prostituta biex il-klijent ikun jista’ jiftiehem magħha b’mod dirett, anke permezz ta’ Whatsapp. Uħud minn dawn il-prostituti joffru dawn is-servizzi saħansitra fil-kumdità ta’ dar  il-klijent/a. Ġew indikati kull xorta ta’ prezzijiet li jvarjaw minn tliet mitt ewro ta’ siegħa sa servizzi ta’ tmienja u erbgħin siegħa bl-ispiża taqbeż l-elf u ħames mitt ewro.

‘Popolin’ għamel kuntatt telefoniku wkoll ma’ diversi massage parlors, fejn staqsejna jekk joffrux servizzi ta’ sess. Numru sostanzjali qalulna iva bl-iktar mod dirett, filwaqt li oħrajn tawna x’nifhmu li mhuwiex suġġett li għandu jiġi diskuss fuq it-telefon, kumment li indirettament jindika li jekk persuna tixtieq tali servizz, u tmur fil-ħanut il-possibilità teżisti.

Fil-preżent reklamar ta’ dawn it-tip ta’ servizzi sesswali huwa legali.