Enerġija
Eżitu pożittiv mil-laqgħa bejn il-GRTU u l-Gvern dwar it-talba tas-sidien tal-pompi tal-petrol

Intlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-GRTU, li f’isem is-sidien tal-pompi tal-fjuwil kienet qed titlob żieda fil-qligħ. Il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma qal li l-offerta li għamel il-Gvern ma titfax piż fuq il-konsumaturi u n-negozji. L-uffiċjali tal-GRTU aċċettaw l-offerta, li issa trid tiġi approvata mill-membri f’laqgħa għas-sidien nhar it-Tnejn.

Wara laqgħa ta’ tliet sigħat, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, Joe Mizzi qal li l-gvern lest li jgħin lis-sidien tal-pompi tal-petrol. Qal iżda li talab għall-garanzija li s-sidien li ma segwewx l-obbligi tagħhom jerfgħu r-responsabilità.

“Jien sodisfatt li għandna dik il-garanzija wkoll u allura issa qed nistenna li l-GRTU jlaqqgħu lill-membri tagħhom. Però jiena min-naħa kkonkludejt id-diskussjonijiet,” qal il-Ministru Mizzi.

Il-Ministru qal li l-offerta li għamel il-gvern ma titfax piż fuq il-konsumaturi u n-negozji. “Nagħtu xi għajnuna li nistgħu nagħtu għaliex ħadna inkonsiderazzjoni l-għoli tal-ħajja u affarijiet bħal dawn imma rajna li l-ekonomija tista’ tassorbihom.”

Il-President tal-GRTU, Paul Abela qal li l-arranġamenti li ntlaħaq ftehim fuqhom iridu jiġu approvati mis-sidien tal-pompi f’laqgħa li għandhom nhar it-Tnejn. Id-direttivi kollha ġew iritrati.

“Jiġifieri n-negozjati li għamilna. Ilna ninnegozjaw ħafna. In-negozjar waslu pożittivi. Ovvjament konna ‘l bogħod u nġebbdu ‘l hawn u nġebbdu ‘l hemm sibna soluzzjoni u naħseb li hija soluzzjoni għal kulħadd kemm min-naħa tal-gvern u kemm għas-sidien tal-pompi tal-petrol,” qal is-Sur Abela.

Mistoqsi għal dettalji dwar il-ftehim milħuq, is-Sur Abela qal li dan hu ftehim kummerċjali.