Barranin
F’Myanmar: Għadd ta’ dimostranti mejta wara li l-pulizija fetħu n-nar f’diversi ibliet

L-uffiċjali tal-pulizija fetħu n-nar fuq id-dimostranti f’Myanmar u qatlu mill-inqas tmintax-il persuna. Uffiċjal tan-Nazzjonijiet Maqgħuda qal li l-imwiet kienu irrappurtati f’diversi bliet fosthom f’Yangon, Dawei u Mandalay hekk kif il-pulizija użaw munizzjon u gass tad-dmugħ fuq id-dimostanti f’wieħed mill-iżjed jiem qattiela tal-irvellijiet.

Il-qawwiet tas-sigurtà bdew jeżerċitaw il-forza wara ġimgħat ta’ protesti paċifiċi kontra l-kolp ta’ stat militari tal-ewwel ta’ Frar. Filmati mxandra fuq il-mezzi tal-media soċjali urew dimostranti jaħarbu mill-pulizija hekk kif taw is-salt għalihom, filwaqt li diversi dimostranti spiċċaw fil-kustodja tal-awtoritajiet feruti u miksija demm. Il-mexxejja eletti demokratikament fosthom Aung San Suu Kyi tneħħew mill-karigi tagħhom u qed jinżammu arrestati.