Xogħol
F’4 snin il-persuni dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali naqsu b’40% – Clyde Caruana

2 minn kull 3 persuni li daħlu fl-iskema tal-benefiċċji soċjali tat-tapering kienu nisa.  Dan ħareġ minn studju li sar minn Jobsplus u l-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali wara li 5 snin ilu tnediet l-iskema tat-tapering.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus Clyde Caruana qal li biex persuna titħajjar toħroġ taħdem riedet minn tal-inqas €1,600 iktar mill-paga minima biex tikkunsidra tagħmel dan il-pass.

Bir-riformi li saru f’dan ir-rigward, is-Sur Caruana qal li bejn l-2014 u l-2018 il-qgħad naqas b’iktar minn 75% filwaqt li l-għajnuna soċjali naqset b’20%.  F’4 snin l-ammont ta’ nies li kienu dipendenti fuq l-għajnuna soċjali naqas b’40%.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus qal li f’4 snin dak li nkiseb f’Malta dam 17-il sena biex inkiseb fir-Renju Unit.

Semma kif bejn l-2014 u l-2018, il-Gvern iffranka €24 miljun f’għajnuna soċjali.  Dan ifisser li l-piż tal-għajnuna soċjali naqas bin-nofs għax minn 0.94% tal-PDG (prodott domestiku gross) fl-2014, is-sena li għaddiet kien qed jonfoq 0.45% tal-PDG.

Is-Sur Caruana kkonkluda li s-suq tax-xogħol qed ikompli jinbidel maż-żmien u l-isfidi t’għada mhumiex l-istess bħal dawk li kienu jiffaċċjaw s’issa.  Għalhekk appella biex is-sistema tal-welfare għandha tibqa’ tevolvi maż-żminijiet.

Min ibbenefika l-iktar mill-iskema tat-tapering tal-benefiċċji soċjali?

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li minn 4,000 persuna li kienu jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad, l-ammont niżel għal inqas minn 800.  Dr Falzon qal li joħroġ ċar huwa li x-xogħol qed iwassal biex persuna tgħix ħajja aħjar.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li wara s-suċċess ta’ din il-miżura għandhu jitkejjel l-effett ta’ din l-iskema fuq l-imġieba tat-tfal u l-progress tagħhom fl-iskola, għax qal li min ma jkunx dipendenti fuq l-għajnuna soċjali normalment ikollu aspirazzjonijiet ikbar.

Il-miżura tat-tapering tnediet fil-Budget 2014 bil-għan li iktar persuni jidħlu fis-suq tax-xogħol u tonqos id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali.  Mill-istudju ħareġ li l-iktar li bbenefikaw minn din l-iskema kienu dawk li għandhom bejn 40 u 49 sena, ħafna minnhom huma ġenituri li għandhom bejn wild u żewġt itfal.

Jirriżulta wkoll li l-parti l-kbira ta’ dawk li sabu xogħol waqt li kienu f’din l-iskema kien fis-settur privat, bil-parti l-kbira li sabu mpjieg kien fis-settur tal-kostruzzjoni, il-fabbriki, il-ħwienet, fix-xjenza u l-amministrazzjoni, kif ukoll fis-settur professjonali.

 

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Shamison Stafrace minn Bormla tressaq il-Qorti akkużat b’hold up f’ħanut f’Raħal Ġdid fis-16 ta’ April li għadda. Il-Pulizija xlietu b’serq aggravat, li żamm persuna kontra l-volontà tagħha u li fera…

Mużika

Jumejn konsekuttivi ta’ kunċerti b’xejn fuq il-Fosos tal-Floriana b’inizjattiva tal-Awtorità tat-Turiżmu: għada mill-kantant tal-band Ingliża Oasis, Liam Gallagher, . . . u llejla mill-BBC Concert Orchestra b’kunċert ta’ mużika klassika…

Immigrazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li l-Gvern qed ikompli juri li m’għandux pjan bil-politika tiegħu ta’ immigrazzjoni qawwija. Qal li sejbiet bħal ta’ dalgħodu fil-Marsa huma prova ta’ immigranti li…

Infrastruttura

Il-Kamra tar-Rappreżentanti approvata riżoluzzjoni biex jinbidlu kundizzjonijiet f’kuntratti li kienu saru bejn il-Gvern u l-kumpanija Fortel – sid tal-lukanda Fortina fis-snin disgħin u fis-sena 2000. Ir-riżoluzzjoni kienet approvata wara li…

Aktar