Barranin
Facebook iwaqqaf kontenut bl-aħbarijiet fl-Awstralja

Facebook mil-lum beda jimblokka kontenut li fih materjal tal-aħbarijiet lill-utenti Awstraljani, wara li l-Gvern Awstraljan kompla għaddej bil-pjani li jimponi ħlas fuq il-kumpaniji tal-midja soċjali għal tali kontenut.

Il-Gvern Awstraljan jemmen li pjattaformi bħal Facebook u Google jiġbdu lejhom klijenti li jkunu jridu jsegwu l-aħbarijiet, u għalhekk il-kmamar tal-aħbarijiet għandhom jingħataw kumpens.

Din il-kwistjoni saret waħda kontroversjali, fejn ix-xahar li għadda Google qal li se jwaqqaf is-servizz tiegħu fl-Awstralja, iżda fl-aħħar jiem jidher li bidel id-deċiżjoni u daħal fi ftehim biex iħallas lil tliet kumpaniji kbar li jipproduċu l-aħbarijiet.

Mhux l-istess Facebook, li għadu qed jissielet kontra din id-deċiżjoni u mil-lum beda jiċċensura l-aħbarijiet Awstraljani, b’xi utenti barra l-pajjiż ukoll jirrapportaw li ma jistgħux jarawhom.

Għal xi ħin paġni tal-gvern u tal-emerġenza wkoll ġew imblukkati, iżda iktar tard Facebook iddikjara li dan kien sar bi żball.

Il-Gvern Awstraljan ikkritika d-deċiżjoni ta’ Facebook u qal li din turi s-saħħa kbira li għandhom dawn il-ġganti tal-midja soċjali diġitali.

Ara wkoll:

Google iwissi li se jwaqqaf l-għodda tat-tiftix fl-Awstralja jekk tgħaddi liġi ġdida