Waqt il-Kafé
Facebook tal-Imgħoddi

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Facebook kulħadd jaf x’inhu. Illum tant sar parti minna li Facebook inġorruh magħna kullimkien fil-mobile tagħna… fil-but. Qabel Facebook kien hemm Hi5 u oħrajn bħalu. Imma tfaċċa Facebook, ismu miegħu, biex kull min jidħol fih juri min hu b’ritratt ta’ wiċċu… suppost.

Facebook huwa l-post fejn tikkomunika ma’ oħrajn. Fih hawn min jgħid x’għamel, kif iħossu u anki x’se jiekol. Hawn min iħobb anki jitfa’ xi ritratt ta’ xi platt imburġat bl-ikel qabel jieklu biex imbagħad xi ġimgħa wara jitfa’ ritratt ieħor f’xi ġimm meħlub jipprova jneħħi l-kaloriji.

Issib min jilgħab bl-istatus. Filli tara lil xi ħadd immarkat “married”, u hekk kif il-koppja jkollha l-inqas argument, pront tara l-istatus jinbidel għal “single,” jew “in a complicated relationship”… biex min irid jissendika aktar ikollu xi jgħid.

Dan kollu bla ħabi ta’ xejn, għax fuq Facebook, suppost li taf min qiegħed jiktbu għax hemm ir-ritratt ta’ wiċċu, l-età u aktar tagħrif. Imma hemm ukoll min dan kollu jaħbih. Issib nies li minflok ritratt ta’ wiċċhom, jitfgħu xi ritratt ta’ kelb, jew qattus jew xi qasrija. Bħallikieku tkun qed titkellem mal-kelba jew qasrija. Issib ukoll min jivvinta l-età. Xi tfajla, miskina, mingħaliha qed titkellem ma’ xi wieħed ta’ 20 u fil-fatt ikun xi ħadd jiġi nannuha.

Hemm imbagħad oħrajn li qatt ma jitfgħu xejn, imma jgħaddu ħin twil fuq Facebook biex jaraw x’tefa’ ħaddieħor.

Għax Facebook qisu l-persjana li kien ikollna f’ħafna djar f’pajjiżna fil-bieb jew fit-tieqa; forma ta’ injam irqiq imżerżaq biex minn warajh tista’ tara minn ġewwa għal barra filwaqt li minn barra ma tara xejn. Kienet tkun magħmula biex qabel tiftaħ, tkun taf min ħabbatlek. Imma la tittawwal, mhux min ħabbatlek biss tista’ tkun taf.

Il-kelma persjana għandha x’taqsam mal-isem tal-pajjiż, il-Persja – l-Iraq ta’ llum. Bl-Ingliż isejħulha Persian Blind. F’waħda mill-istejjer li kiteb, Sir Temi Zammit isemmi l-muxrabija li kienet paraventu użat fil-kultura Iżlamika l-aktar biex in-nisa ma jkollhomx kuntatt dirett ma’ barra d-dar. Kien hawn min isejħilha kixxiefa, xerriefa jew saħansitra nemmiesa. F’Malta u Għawdex kellna u probabbli għad fadal minn dawn f’xi rziezet. Jingħad li dawn għandna minnhom riżultat tal-ħakma Għarbija fostna.

Minn wara kull tip ta’ persjana kont tista’ tissendika kemm trid bla ħadd ma jinduna bik. Ħafna qabel tfaċċa’ l-Facebook fil-but ta’ kulħadd, kienu jużaw il-persjana biex inemmsu, jissendikaw u jissemmgħu u allura ma kienx ikollhom bżonn ta’ bdil fl-istatus biex ikunu jafu l-koppja ta’ ħdejhom sarux “singles” jew le.

Malta żgħira n-nies magħrufa

dejjem nafu kull tentufa

Kulħadd jaf kull xagħra u sufa

mis-sigrieti tal-ġirien.

In-nies tħobb taf fuq in-nies, anki min ma jurix. Ħadd ma hu gżira… veru… imma hawn min qisu sikka, moħbi taħt wiċċ l-ilma jissendika fuq arċipelagu sħiħ!

Aħbarijiet Oħra
Għawdex

F’Għawdex tnieda servizz ta’ emerġenza ġdid għall-pubbliku li se jopera wara l-ħinijiet tal-uffiċċju, fi tmiem il-ġimgħa kif ukoll fil-btajjel pubbliċi. Dan is-servizz, li beda fuq inizjattiva tal-fergħa Għawdxija tal-Fondazzjoni għal…

Annimali

F’dan iż-żmien tas-sena ħafna jsibu ħin biex jagħmlu atti ta’ imħabba jew solidarjetà mal-oħrajn. Artista Franċiża li tgħix Malta ddeċidiet li ttella’ wirja b’pitturi biex bil-flus li tiġbor mill-bejgħ tagħhom,…

Mużika

Il-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida se jżomm mat-tradizzjoni u jsir fl-Epifanija fis-6 ta’ Jannar f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi l-Belt. Il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jsir b’risq…

Kronaka

L-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinvestigaw il-mewt ta’ priġunier Malti ta’ 26 sena li nstab mejjet. Television Malta jinsab infurmat li l-priġunier neħħa ħajtu. Fi stqarrija maħruġa mill-Faċilità Korrettiva…

Aktar