Fadal 30,000 meter antik tad-dawl x’jinbidlu

L-Enemalta qiegħda tesiġi li l-konsumaturi li għadhom ma biddlux l-arloġġ tad-dwal għal smart meter jagħmlu l-arrangamenti magħha biex issir din il-bidla li se twassal biex il-konsum tad-dawl jibda jiġi rreġistrat b’mod awtomatiku.

Iċ-Chairman tal-Enemalta, Frederick Azzopardi qal li l-konsumaturi kollha qed jiġu avżati b’dan u min jonqos li jbiddel il-meter jista’ jispiċċa mingħajr provvista.

Il-meter reader li minn żmien għal żmien jiġi jħabbat id-dar biex jaqra l-meter tad-dawl u tal-ilma dalwaqt mhux se tibqa’ tarah b’mod regolari, hekk kif l-Enemalta se tkun tista’ tara l-konsum tal-elettriku b’sistema awtomatika bl-ismart meters.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta, Frederick Azzopardi qal li biex is-sistema tkun tista’ taħdem, jeħtieġ li jinbidlu l-meters l-antiki u minflok jtiwaħlu l-ismart meters.

“Bażikament qegħdin ftit ‘l bogħod mid-90 fil-mija, jiġifieri qegħdin 89 fil-mija tal-meters mibdula filwaqt li għad baqa’ madwar tletin elf meter ieħor li ma inbidilx, ovvjament qed inħeġġu lil kull min għandu meter antik biex jersaq ‘l quddiem iex aħna niġu u nbidluh għal wieħed smart,” qal l-Inġinier Azzopardi.

L-Inġinier Azzopardi wissa li min jibqa’ ma ibiddilx l-ismart meters, l-Enemalta tista taqta’ l-provista.

Spjega li minbarra li l-meter reader mhux se jkollu għalfejn jibqa’ jiġi jaqra l-meter, is-sistema se toffri benefiċċji għall-Enemalta fil-proċess tal-qari tal-konsum u l-ħruġ tal-kontijiet.

“L-Enemalta tkun tista’ jkollha reading tal-konsum tal-elettriku ‘mod reali u allura tkun tista’ toħrġ il-kontijiet aktar frekwenti waqt li jgħin ukoll fis-serq,” qal l-Inġinier Azzopardi.

Mistoqsi dwar is-serq tal-elettriku, iċ-Chairman tal-Enemalta qal li din is-sistema mhux se telimina s-serq għal kollox iżda se tkompli tnaqqas it-telf li tagħmel il-kumpanija.

Huwa qal li fl-aħħar sentejn, l-Enemalta ddedikat aktar riżorsi biex mhux biss jitwaħħlu aktar smart meters, iżda ukoll biex dawn jiġu attivati u jibdew jitrasmettu l-qari tal-konsum lill-ARMS  u l-Enemalta.