Annimali
Familja trabbi mogħża d-dar – anki l-kelb sar iħobbha

L-annimal jista’ jkun l-ikbar ħabib tal-bniedem. Huwa ta’ wens, kumpanija u mħabba. Lil hinn mill-annimali li tradizzjonalment jakkumpanjaw lill-familji fi djarhom, qed joħorġu wkoll xejriet oħra dwar l-għażliet li jagħmlu l-Maltin tal-annimali li jżommu d-dar.

Fil-każ ta’ Analise Mifsud, l-għażla ta’ annimal domestiku marret fuq Layla – mogħża li tgħix magħha d-dar. Għal sidha, din il-mogħża, li tissejjaħ pygmy goat għax tibqa’ żgħira, hija l-mimmi t’għajnejha. Illum għandha 4 xhur.

“Miskina twieldet fix-xita, fl-ilma, kienet vera żgħira, kienet iżgħar min-normali, u kienet imxarrba, kiesħa u ħsibniha mhux se tgħix.’

B’ħafna attenzjoni u mħabba li ngħatat, Layla bdiet tirkupra. ‘Intrabtet ħafna magħna, taħseb li aħna l-ġenituri tagħha, għax din ommha imbagħad ma riditx taf biha, pruvajna nlaqqgħuha m’ommha imma għalxejn, allura kellna litteralment qisna għandna tarbija fis-sodda bil-lejl, kull sagħtejn inqumu ntuha l-ħalib, kien sagriffiċċju vera kbir imma kien worth it,” tgħid Analise.

Analise tgħidilna li l-unika żmien diffiċli li għaddiet minnu dan l-aħħar kien meta kellha taqleb ir-rutina tal-ikel lil Layla u tibda tintroduċilha l-ikel ftit ftit. Qalet li mhux daqshekk faċli li ssib veterinarju speċjalizzat fuq il-ħtiġijiet tal-mogħoż. Issostni li l-komunikazzjoni bejn il-bniedem u l-pets hija l-iktar ħaġa li s-sidien tal-annimali jgħożżu.

“Litteralment tkellmek qisha, issegwik kullimkien, tiġi hi, tħobb ħafna l-kuntatt uman, tiġi titfissed, toqgħod eżempju tintelaq fuqi, jiena qatt ma kelli esperjenza hekk, eżempju isimha tafu, jekk tgħajtilha ‘Layla’, taf affarijiet bażiċi bħal ‘ejja, itla’ fuq’ tifimha wkoll.”

Il-pets fid-dar ta’ Analise jinkludu wkoll lil Russell, kelb li addatta sew għall-preżenza ta’ Layla. “Iħobbha ħafna, jilgħabu, ġieli torqod fis-sodda tiegħu, iktar tingwalha miegħu milli mal-mogħoż, għalija mhux mogħża, jien kultant hekk ngħid.”

Bħat-tfal, l-annimali jafu jagħmlu l-praspuri tagħhom jekk sidhom ma jkunx seba’ għajnejn fuqhom. “Eżempju ġieli neħodha filming, nkun aljenata, titlaq mill-istudio, toħroġ fl-uffiċini fuq, u dan x’qaluli n-nies għax jien ma kontx naf, rawha minn fuq is-CCTV taqbeż, qisha tifla żgħira.”

Staqsejna lill-Kummisarju għad-drittijiet tal-Annimali, Alison Bezzina, jekk hemmx xi oġġezzjoni li dawn it-tip ta’ annimali jinżammu d-dar. Hija spjegat li dawn l-ispeċi ta’ mogħoż Pygmy jixxenqu ħafna għall-kumpanija umana, iħobbu jirrilassaw u jridu ħafna ħin jilgħabu, u minn dan Layla m’hijiex nieqsa żgur. Qaltilna wkoll illi għandhom ikunu microchipped u reġistrati mad-Direttorat tar-Regolazzjoni Veterinarja.

Żiedet illi l-Pygmy Goats, li oriġinarjament ġejjin mill-Asja tal-Lbiċ, ġew iddomestikati ħafna snin ilu bl-istess mod li ġew iddomestikati l-klieb u l-qtates.