LGBTIQ
Familji LGBTIQ jistgħu jiddiskutu u jiksbu pariri professjonali fil-Palazz tal-President

Il-ġnien tal-Palazz tal-President f’San Anton ser jibda jservi wkoll ghal laqgħat tar-Rainbow Families Network li twaqqaf bl-inizjattiva tal-fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà biex ilaqqa’ l-familji LGBTIQ f’ambjent sigur fejn jiddiskutu fost oħrajn l-isfidi tagħhom u jiksbu pariri professjonali. Fit-tnedija tan-network, il-President Marie-Louise Coliero Preca saħqet fuq il-bżonn ta’ bidla fil-mentalità biex il-kisbiet li Malta għamlet f’dan il-qasam jilħqu l-milja tagħhom.

Koppji tal-istess sess li qed irabbu t-tfal u familji b’ulied LGBTIQ se jkunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f’ambjent sigur . . . ‘il bogħod mill-preġudizzji li xi drabi jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom.

Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà u l-Moviment għad-Drittijiet tal-Persuni LGBTIQ nedew ir-Rainbow Families Network. Il-Koordinatur tal-MGRM, Colette Farrugia Bennett qalet li l-proġett beda wara li numru ta’ familji LGBTIQ stqarrew mal-moviment li ħafna drabi qed isibuha iebsa jitkellmu dwar il-ħajja tagħhom f’ambjent fejn iħossuhom aċċettati.

“Hemm familji hemm barra li qegħdin jgħixu l-ħajja tagħhom b’mod normalissimu waħedhom, forsi m’għandhomx kuntatt ma’ familji oħrajn li għandhom karatteristiċi simili u nemmnu li once li tiġi flimkien tista’ titgħallem ħafna iktar, kif tista’ tiddilja ma’ ċertu challenges simili” qalet Colette Farrugia Bennett.

Dan in-network mhux biss se jqarreb lil dawn il-familji imma anke se jlaqqahom ma’ professjonisti li se jgħinuhom kif jindirizzaw sfidi li jaffaċċjaw minħabba l-orjentazzjoni sesswali ta’ xi membru jew membri tal-familja.

“Jien bħala social worker naħdem ħafna ma’ familji li għandhom tfal u żgħażagħ trans u l-miġja li jkunu qed jagħmlu bħala familja rrealizzajt kemm iħossuhom waħedhom u meta kien hemm opportunità fejn laqqajt familji flimkien minħabba xi konsultazzjoni jew minħabba request personali li jiltaqgħu ma’ familja oħra rajt il-frott ta’ li ġenituri jitkellmu ma’ ġenituri oħra”kompliet tgħid is-Sinjura Farrugia Bennett.

Alex Caruana – persuna trans – qal li jemmen li Rainbow Families Network se jkun ta’ spalla għal żgħażagħ trans li ħafna drabi jħossuhom mitlufa u waħedhom, waqt li l-ġenituri tagħhom jingħataw aktar għarfien dwar x’ikun għaddej fil-ġisem ta’ wliehom li jkunu jridu jibdlu s-sess.

Neil Falzon ġenitur LGBTIQ ta’ żewġt itfal ta’ ħdax u tmien snin tkellem dwar id-differenza fil-valuri bħall-ugwaljanza u r-rispett li t-tfal jingħataw fil-familja.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li jeħtieġ li tinbidel il-mentalità tas-soċjetà, biex ikun assigurat li l-liġijiet, li poġġew lill-pajjiż fuq quddiem fid-dinja fil-qasam tal-inklużjoni, jiġu implimentati. Il-President qalet li dan in-network ‘il quddiem jista’ jinfetaħ għal familji oħrajn.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jilqa’ l-proposta tal-oppozizjoni biex il-kummissarju l-ġdid jinħatar b’mod li jgawdi l-fiduċja ta’ kulħadd. Qal li għalkemm hu tajjeb…

Politika

Fl-ewwel attività politika tiegħu bħala Prim Ministru fir-Rabat Għawdex, Dr Robert Abela qal li kuntrarju għal partiti oħra, il-Partit Laburista ħareġ aktar b’saħħtu mill-elezzjoni għall-mexxej ġdid. Il-Mexxej Laburista qal li…

Kronaka

Għawdxija ta’ 35 sena tilfet ħajjitha waqt li dalgħodu kienet qed togħdos fil-bajja ta’ Mġarr ix-Xini. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.30am. Il-Pulizija qalet lil TVM li l-mara, li hija mir-Rabat, Għawdex,…

Aktar