Lokali
Familji Maltin ma jistgħux jaddottaw aktar tfal Etjopjani

L-aħħar adozzjoni minn ġenituri Maltin ta’ trabi mill-Etjopja saret ħames snin ilu u issa żgur mhux ser ikunu jistgħu jiġu adottati aktar tfal minn dal-pajjiż Afrikan għax il-Parlament Etjopjan waqqaf għal kollox l-adozzjonijiet internazzjonali.

Maria Vella li kienet l-aħħar ġenitur f’Malta li rnexxielha b’ħafna taħbit tadotta mill-Etjopja. Qalet li filwaqt li tifhem ir-raġunijiet għaliex il-Parlament waqqaf l-adozzjonijiet internazzjonali, hija inkwetata għall-ġejjieni ta’ eluf ta tfal orfni u vulnerabbli li għad hemm fl-Etjopja.

Maria Vella u żewġha Victor iħossuhom fortunati li fl-2013 laħqu adottaw żewġt itfal, Victoria u Craig, mill-Etjopja. Victoria u Craig huma l-aħħar żewġt itfal fost għexerien li sabu l-imħabba f’Malta.

L-omm adottiva stqarret li ma kinitx sorpriża li dil-ġimgħa l-Parlament tal-Etjopja waqqaf l-adozzjonijiet internazzjonali – deċiżjoni li kienet ilha tkun diskussa wara każi ta abbuż li tfal adottati minn dan il-pajjiż sofrew f’pajjiżi oħrajn.

Mistoqsija dwar din id-deċiżjoni, Maria Vella qalet li din saret fl-isfond ta’ każ li seħħ fl-Istati Uniti fl-2013. Dak iż-żmien, koppja Amerikana nstabet ħatja li qatlet lit-tifla li kienet adottat mill-Etjopja u abbużat lit-tifel iż-żgħir tagħha, li wkoll kien adottat mill-Etjopja. Dan kien wasal biex dik is-sena stess l-adozzjonijiet mil-Etjopja naqsu b’90 fil-mija.

Is-sinjura Vella stqarret li tinkwieta dwar l-effett li din id-deċiżjoni se jkollha fuq it-tfal orfni u vulnerabbli Etjopjani.

Maria Vella  qalet ”jiġifieri jekk fl-Etjopja hemm ħajja fejn ittihom opportunità u ħajja normali all well and good jekk le qed jitilfu opportunità li jsibu mħabba fil-familja. Hemm ħafna aspetti ta’ din id-deċiżjoni tal-Etjopja. Li hu żgur li ħafna kienu stejjer ta’ suċċess l-adozzjonijiet.”

Żiedet tgħid li fi ħmistax-il sena, f’Malta kien hawn ‘il fuq minn 100 familja li adottataw tfal mill-Etjopja. Hija qalet li t-tfal adottati mill-Etjopja jibqgħu jiġu segwiti mill-Aġenzija Appoġġ sakemm jagħlqu tmintax-il sena għax dan hu mitlub mill-Etjopja stess.

Hija qalet li l l-proċess biex addottaw lil Craig u Victoria, li din is-sena jagħlqu sitt snin, ma kienx ward u żahar.

Maria Vella ”tlajna l-ewwel darba biex nadottaw lit-tfal fl-2012. Dak iż-żmien l-Etjopja kienet qed tiddeċiedi li fejn ma jkunx hemm rappreżentanza diplomaiku jiġifieri bażikament fejn ma jkunx hemm ambaxxata l-adozzjonijiet ma setgħux isiru. Allura ġejna lura mingħajr it-tfal għax id-dipartiment tagħhom baqgħu jinsistu li ma joħorġux approvazzjoni. Ġejna lura Malta u f’Jannar il-Qorti ddeċidiet li din mhijiex raġuni biex ma jingħatawx it-tfal għax qabilhom kien hemm l-istess ċirkostanzi u fl-2013 Craig u Vicky ġew Malta.”

Maria Vella qalet li s-soru Maltija f’orfanotrofju fl-Etjopja li kienet tgħin lill-ġenituri Maltin fil-proċess tal-adozzjoni ma kinetx kompliet minħabba dawn il-problemi li kellha taffaċċja hi fl-Etjopja.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-eks Ministru Tonio Fenech instab ħati ta’ malafama f’kawża ta’ libell li saret kontrih mill-Avukat Martin Fenech, is-Sur Joseph Cordina u s-Sur Charles Scerri dwar allegazzjonijiet li kien għamel fil-konfront…

Lokali

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ffirmat l-att li jemenda l-liġi għall-Protezzjoni tal-Embirjuni u qalet li dan għamlitu b’lealtà biss lejn il-Kostituzzjoni u l-proċess demorkatiku. Il-liġi għaddiet jumejn ilu b’34…

Lokali

Malta tilfet il-kawża fil-Qorti Ewropea fil-Kawża tal-Kummissjoni Ewropea kontra kontra l-applikazzjoni ta’ deroga minn Malta għall-insib fuq seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana fl-istaġun tal-ħarifa. Għalkemm id-deċiżjoni mhix appellabbli, il-Gvern qal…

Lokali

Għall-Caritas kien jum ta’ ċelebrazzjoni b’għaxar persuni ddikjarati ħielsa mid-droga wara li temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga fil-Komunità Terapewtika ta’ San Blas, fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ. Il-grupp li inkluda 3…

Aktar