Lokali
Familji Maltin qed jonfqu medja ta’ €430 fil-ġimgħa

Fis-seba’ snin bejn l-2008 u l-2015 l-infiq medju tal-familja tipika Maltija żdied b’14%. Dan joħroġ mill-istħarriġ imsejjaħ Household Budgetary Survey li mistenni jkun ippubblikat fil-jiem li ġejjin. L-istħarriġ jindika li filwaqt li n-nefqa fl-ikel baqgħet l-akbar waħda, żdied l-infieq fil-komunikazzjoni, fl-edukazzjoni u fir-rikreazzjoni.

Bħala medja, familja Maltija tonfoq madwar €430 fil-ġimgħa.

Minn kull mitt ewro ta’ infiq, €20 jintefqu fuq ikel u xorb mhux alkoħoliku, €14 fi trasport, €8 fuq ħwejjeġ, €8 oħra fuq id-dar u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, €8 fuq il-manutenzjoni u l-għamara tad-dar, u €8 oħra għar-rikreazzjoni u attivitajiet kulturali.

Dan huwa kkalkulat fuq stħarriġ dwar in-nefqa tal-familja li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika biex iservi ta’ bażi għall-indiċi rivedut li jkejjel l-għoli tal-ħajja.

Ma’ tvm.com.mt id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika Reuben Fenech isostni li kull familja għandha realtajiet differenti.

“Familji ġeneralment b’introjtu aktar għoli jonfqu anqas f’ikel u jonfqu aktar f’rikreazzjoni fejn jidħol persentaġġi. Familja b’introjtu aktar baxx għandhom tendenza li l-maġġoranza jintefqu aktar f’ikel u anqas f’affarijiet oħra,” qal Fenech.

Il-Household Budgetary Survey jagħti ritratt tas-sitwazzjoni fl-2015 – meta sar l-istħarriġ mifrux fuq sena sħiħa biex ikejjel ukoll il-varjazzjoni fl-infiq fl-istaġuni differenti. Fl-istħarriġ ħadu sehem madwar 3,600 familja, bħala kampjun xjentifiku li jirrapreżenta s-soċjeta Maltija. Dawn il-familji ħadu nota tal-konsum u l-infiq kollu fuq perjodu ta’ ġimagħtejn.

Meta mqabbel mal-istħarriġ ta’ seba’ snin qabel, l-infiq medju ta’ familja tipika Maltija żdied b’14%. Minn €376 fil-ġimgħa għal €430 fil-ġimgħa.

Is-sur Fenech jattribwixxi dan għall-fatt li b’mod ġenerali s-soċjetà Maltija saret aktar affluenti. Id-Direttur Ġenerali tal-istatistika żied jgħid li dan l-istħarriġ huwa għodda importanti għax bih il-Gvern ikun jista’ jfassal politika soċjali biex jilħaq faxex differenti fis-soċjetà.