Lokali
F’April: il-persuni jirreġistraw għax-xogħol naqsu b’1,731

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’April li għadda, l-għadd ta’ persuni qiegħda kien ta’ 2,248.

Dan ifisser tnaqqis ta’ 1,731 ruħ meta mqabbel ma’ April tas-sena li għaddiet meta dakinhar kien hemm 3,979 ruħ jirreġistraw għax-xogħol. Tul dak ix-xahar, il-qgħad f’Malta beda jerfa’ rasu kawża tal-pandemija tal-COVID-19.

Iċ-ċifri pprovduti mill-aġenzija tax-xogħol Jobs Plus juru tnaqqis ta’ 1,689 ruħ minn fuq l-ewwel parti tar-reġistru u 42 oħra minn fuq it-tieni parti tar-reġistru.

Joħroġ ukoll li l-qgħad naqas fil-kategoriji kollha.

L-NSO irrapprota wkoll li dawk li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol inqas minn 21 ġimgħa, irreġistraw l-ikbar tnaqqis meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra.

Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li l-għadd ta’ persuni b’diżabilità qiegħda żdiedu b’sitta biex issa hemm 259 persuna b’diżabbilità tirreġistra għax-xogħol.