Lokali
F’April mal-ftuħ tal-iskejjel kien hemm żieda fil-livell ta’ tniġġis fl-arja

Wara li fil-bidu tal-pandemija s-sena li għaddiet ġie rreġistrat tnaqqis bin-nofs fil-livell ta’ tniġġis mit-traffiku, l-Awtorità tal-Ambjent u tar-Riżorsi osservat żieda fis-sors ewlieni ta’ tniġġis fl-arja l-aktar mal-ftuħ tal-iskejjel. Ġie nnutat li bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, il-livell ta’ tniġġis baqa’ stabbli, imma jidher li f’April kien hemm żieda fil-livell ta’ tniġġis fl-arja, b’iktar żieda tat-traffiku fit-toroq.

Minn analiżi tat-tagħrif miġbur mill-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-arja, li l-Awtorità tal-Ambjent u tar-Riżorsi għandha fl-Imsida, iż-Żejtun u Ħ’Attard, jirriżulta li l-livell tad-dijossidu tan-nitroġenu, li huwa s-sors ewlieni ta’ tniġġis mit-traffiku – żdied sew f’nofs Ottubru. L-Uffiċjal tal-Awtorità, Nadine Mercieca, spjegat li l-akbar żieda kienet irreġistrata fil-ħinjiet tal-ftuħ tal-iskejjel filgħodu.

“Issa meta nitkellmu fuq ix-xhur ta’ din is-sena: minn Jannar sa Marzu l-livelli ta’ tniġġis baqgħu stabbli, però April bdejna naraw żidiet compared ma’ April tat-2020, imma dik iż-żieda għadha mhijiex għolja daqs it-2019.”

Minbarra l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-arja fi tliet lokalitajiet f’Malta u ieħor fl-Għarb Għawdex, l-awtorità għandha sistema oħra ta’ monitoraġġ f’mitt sit differenti f’kull lokalità f’Malta u Għawdex.

“Nużaw sistema ta’ diffusion tubes. Dan huwa tubu kif qed naraw jiġifieri tal-plastic li jiġi espost f’siti kemm f’żoni fejn jgħaddi ammont ta’ traffiku sostanzjali minnhom u anke f’żoni rurali.”

L-uffiċjal tal-ERA qalet li din is-sistema tajba ħafna biex titqabbel il-kwalità tal-arja bejn lokalità u oħra u x’impatt kellhom fuq il-kwalità tal-arja deċiżjonijiet bħall-għeluq tal-Power Station tal-Marsa u l-bidla ta’ Delimara mill-heavy fuel oil għall-gass. Qalet li l-ogħla livell tad-dijossidu tan-nitroġenu jinsab fiż-żona ta’ madwar il-Port il-Kbir u l-lokalitajiet tal-madwar bħal Ħal Qormi, Ħal Luqa, il-Marsa, il-Ħamrun u Raħal Ġdid. L-inqas livelli jinsabu f’żoni rurali bħal pereżempju Ħad-Dingli u n-naħat tal-Mellieħa fejn jgħaddi inqas traffiku.

“Il-livelli ta’ tniġġis jirriflettu l-ammont ta’ traffiku u l-influss tiegħu.”

Nadine Mercieca żiedet li l-kwalità tal-arja tiddependi minn fatturi meteorolġiċi bħall-qawwa ta’ riħ u d-direzzjoni tiegħu. Qalet li l-għamla tat-triq u l-għoli tal-bini jaf ikollu effett ukoll fuq il-livell tat-tniġġis fl-arja. Bħalma jseħħ fi Triq Sant’ Anna fil-Floriana, li għalkemm it-triq mhijiex dejqa, minnha jgħaddi influss qawwi ta’ vetturi.

“Hemm iseħħ il-fenomenu li fix-xjenza nsejħu għalih street canyon effect… u minħabba l-kundizzjonijiet lokali ta’ meteoroloġija li hemm f’dik it-triq, it-tniġġis tal-arja jiġifieri l-partiċelli u l-gassijiet li joħorġu mill-karozzi li jgħaddu hemmhekk ma jkollhiex ċans dik l-arja li tinbidel.”

Żiedet li l-karozzi kollha anke dawk elettriċi jipproduċu xi emissjonijiet, għalkemm ħafna inqas mill-vetturi li jaħdmu bi fjuwil li jniġġes. Qalet li l-kwalità tal-arja titjieb l-iktar meta jonqsu l-vetturi mit-toroq.