“Fatt gravi li Busuttil u Said kienu jafu bl-affarijiet f’Għawdex u ma qalu xejn”

Il-Pirm Ministru Joseph Muscat fisser bħala fatt gravi dak li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u s-Segretarju Ġenerali tal-PN kienu jafu bl-affarijiet kollha li kienu għaddejjin f’Għawdex u ma qalu xejn.

Il-Prim Ministru rrefera għal dak li qal Chris Said meta stqarr li sar jaf min hu l-whistleblower fil-każ ta’ Giovanna Debono u stqarr li mal-istess persuna kienu ltaqgħu kemm hu kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. “Dan huwa fatt gravi, Simon Busuttil għandu jgħidilna meta ltaqa’ ma’ dan il-persuna, jiem, ġimgħat, xhur? Jekk kien jaf bl-affarijiet, kif ma marx għand il-Kummissarju tal-Pulizija? Il-Kap tal-Oppożizzjoni u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kienu jafu bl-affarijiet kollha li kienu għaddejjin f’Għawdex u ma qalu xejn,” stqarr il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika taħt it-tinda f’Ħal Kirkop.

Il-Prim Ministru fakkar kif minkejja li Simon Busuttil jitkellem tant fuq politika onesta, u meta kien Viċi Kap kien jgħid li għandu jkun kollox investigat mill-Kummissarju tal-Pulizija meta jiġu għal każijiet fejn ikun hemm il-ħtieġa ta’ investigazzjoni, kif allura, meta kien jaf bil-każ ma marx? Jekk kien jaf qabel b’dan il-każ kif ma tkellimx il-Kap tal-Oppożizzjoni, jew qed jibża’ minn xi ħaġa oħra?, staqsa l-Mexxej Laburista.

Joseph Muscat saħaq li d-dikjarazzjoni ta’ Chris Said hemm bżonn ta’ skrutinju sħiħ dwarha u għandu joħroġ fil-beraħ x’sar jew ma sarx. Il-Prim Ministru staqsa x’għandu x’jaqsam il-fatt, li Chris Said qed jgħid illum, li ltaqgħu mal-whistleblower f’dan il-każ, għax saru jafu min hu?, filwaqt li elenka kif f’dan il-każ, m’hemmx whistleblowerwieħed, iżda aktar. Il-Mexxej Laburista fakkar kif dan f’dan il-każ kienu jsiru xogħlijiet fi propjetajiet privati li għalihom kien iħallas il-poplu Malti u Għawdxi.

Investiment ġdid ta’ €100miljun fil-qasam tas-saħħa

Il-Mexxej Laburista semma kif ftit tal-ħin tħabbar li pajjiżna ntgħażel għal investiment ġdid ta’ €100miljun, fejn kumpanija kbira Amerikana, Johnson & Johnson Medical flimkien mal-Università La Sapienza ta’ Ruma, ser jagħmlu sptar ġdid ta’ 200 sodda fi Smart City, li mistenni jiftaħ fl-2017, li permezz tiegħu se jkunu maħluqa 500 impjieg ġdid. Dan huwa investiment ġdid over & above mill-investiment l-ieħor ta’ €200miljun li permezz tiegħu se jkunu żviluppati l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech, spjega Joseph Muscat.

Il-Prim Ministru spjega kif dan l-isptar, Joannes Paulus II – International District of Healthcare, ser jipprovdi kura speċjalizzata fl-oqsma tal-Ortopedija, in-Neurloġija u anke ċentru fejn tkun kreata mediċina apposta skont il-ħtiġijiet tal-pazjent b’mod individawli, fost l-oħrajn. Joseph Muscat stqarr kif dan l-isptar se jkun qed jilqa’ wkoll ċentru tal-mediċina sportiva, fejn il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali flimkien mal-Federazzjoni Taljana tal-mediċina sportiva, se jkunu qed joffru għadd ta’ servizzi li permezz tagħhom huwa anke maħsub li jkunu attirati diversi atleti minn dixxiplini sportivi differenti.