Lokali
Fearne jitlob lill-KE tinnegozja hi x-xiri tal-vaċċin Sputnik V

Id-deputat Prim Ministru u ministru għas-saħħa Chris Fearne saħaq li n-negozjati biex jinxtara l-vaċċin Russu, Sputnik V għandu jsir b’mod konġunt mill-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru għas-Saħħa ġie kwotat jgħid dan mis-sit awtorevoli Politico waqt laqgħa virtwali li saret ilbieraħ bejn il-ministri għas-saħħa tal-Unjoni Ewropea.

Matul il-laqgħa, il-Ministru għas-Saħħa Ġermaniż Jens Spahn qal lill-ministri Ewropej li l-Ġermanja bdiet negozjati biex tixtri l-vaċċin Russu Sputnik V.

Skont tliet diplomatiċi Ewropej, il-Ministru Ġermaniż ħabbar dan waqt il-konferenza virtwali ftit wara li l-Prim Ministru tal-Bavarja Markus Soder qal lill-ġurnalisti li r-reġjun kien f’diskussjonijiet mar-Russi biex jixtru żewġ miljun u ħames mitt elf doża tal-vaċċin.

Il-Ministru għas-Saħħa Malti ġie kwotat jgħid li tul il-laqgħa huwa talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tniedi negozjati biex tkun hi li tinnegozja x-xiri tal-vaċċin Sputnik V. Dan bil-għan li l-pajjiżi kollha Ewropej ikunu jistgħu jibdew jagħmlu użu minn dan il-vaċċin f’każ li jiġi approvat mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.