Lokali
Fearne jtenni li min m’għandux ċertifikat tat-tilqim mhux possibbli jiġi għal btala f’Malta

Illum ġie rreġistrat l-ogħla għadd ta’ każi pożittivi f’ġurnata waħda fi tliet xhur u nofs. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li bejn 85 u 90 fil-mija ta’ dawk li huma infettati mhumiex imlaqqma. Intervistat fil-programm Realta’ li jixxandar fuq TVM fl-10 ta’ filgħaxija, Dr Fearne qal li Malta għandha diġà d-dożi meħtieġa biex f’każ li xjentifikament jkun meħtieġ, tibda tingħata t-tielet doża lil dawk li kienu minn tal-ewwel li ħadu t-tilqima.

Mija, disgħa u sebgħin każ ġdid ta’ COVID-19 nstabu mit-testijiet li ttieħdu l-bieraħ: ‘il fuq minn elfejn u sitt mija. Kien hemm żewġ persuni morda bil-virus li fiequ biex bħalissa hu magħruf li hawn 634 persuna f’Malta li għandhom il-virus, l-hekk imsejħa każi attivi.

Fil-programm Realtà, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li bejn 85 u 90% ta’ dawk infettati mhumiex imlaqqma. Fakkar li r-riskju li min mhux imlaqqam jispiċċa l-isptar jekk jiġi infettat bil-virus huwa ikbar. Qal li fl-ITU hemm persuna waħda li mhix imlaqqma.

Ċifri ppubblikati mill-awtoritajiet tas-saħħa juru li qabżu t-350,000 il-persuni f’Malta mlaqqma b’mod sħiħ. Il-Ħadd ingħataw 1,005 dożi, biex b’kollox qabżu s-706,000 d-dożi li ngħataw mindu beda l-programm nazzjonali ta’ tilqim fl-aħħar ta’ Diċembru.

Dr Fearne qal li Malta qed tistudja hemmx ħtieġa li tibda tingħata t-tielet doża tat-tilqima lil dawk li tlaqqmu fil-bidu tal-programm ta’ tilqim.

“Għandna r-riżorsi li huma available jiġifieri t-tilqim li għandna bżonn qiegħed għandna diġà – għandna freezers u kollox organizzat – għandna l-loġistika in place. Jekk nieħdu d-deċiżjoni xjentifika li għandna bżonn nużaw il-booster f’ċerti kategoriji ta’ nies dan nagħmluh.”

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar li min-nhar it-Tnejn se jinfetħu żewġ walk-in clinics: fl-università ta’ Malta u fit-Teatru Aurora f’Għawdex għal Maltin u barranin li jgħixu f’Malta li għadhom ma tlaqqmux u jridu jieħdu t-tilqima mingħajr appuntament. Qal li t-tilqima se tingħata wkoll mingħajr appuntament f’mobile clinic li se tkun qed idur minn post għall-ieħor. Bħal-lum ġimgħa dan se jkun fil-Mosta Technopark. Spjega li t-tfal xorta waħda jridu jistennew l-appuntament għat-tilqima.

Mistoqsi dwar il-Maltin li jgħixu barra, Dr Fearne qal li dawk residenti barra l-Unjoni Ewropea jew ir-Renju Unit jistgħu jiġu Malta biss għal raġunijiet partikulari bil-permess tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

“Imma biex tiġi vaganza f’pajjiżna mingħajr iċ-ċertifikat tat-tilqim mhuwiex se jkun possibbli.”

L-Oppożizzjoni taqbel mal-gvern dwar l-aħħar miżuri mħabbra li turisti li jidħlu f’Malta għandu jippreżenta ċertifikat rikonoxxut li juri li hu mlaqqam b’mod sħiħ u l-għeluq tal-iskejjel tal-Ingliż, li qal setgħu kienu antiċipati.

Fl-istess programm, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri qal li dan għandu jsir sabiex is-sagrifiċċji li saru fl-aħħar xhur ma jintilfux.

“Parti minnha din għandha tkun li iva hemm bżonn li t-turist li jiġi ġewwa pajjizna jkun fully vaccinated ħalli b’hekk inaqqsu r-riskju b’mod drastiku li dan iġib miegħu l-virus li jista’ jinfirex lokalment.”

Dwar il-programm ta’ tilqim, Dr Spiteri qal li hu ta’ suċċess, effiċċjenti u qed jagħti riżultati. Qal iżda li waħdu mhux biżżejjed.

Intant, id-Deputat Prim Ministru jinsab f’iżolament u qed jaħdem mid-dar wara li membru tal-familja tiegħu nstab pożittiv għall-COVID-19. Stqarrija mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru spjegat li minkejja li Dr Fearne mhux pożittiv għall-virus, qed isegwi l-miżuri tal-awtoritajiet għas-saħħa.