COVID-19
AĠĠORNAT: Il-poplu Malti se jilħaq l-immunità lejn l-aħħar ta’ Ġunju flok Settembru

Sa tmiem il-ġimgħa se jkunu ngħataw 240,000 doża tat-tilqima għall-Covid-19 f’Malta. Dan qalu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dalgħodu waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet.

Qal li l-miri għat-tilqim mhux biss intlaħqu imma ġew issuperati. Peress li l-proċess qed jimxi b’rata iktar mgħaġġla milli mistenni, qal li l-miri tmexxew ‘il quddiem bi kważi erba’ xhur.

Fearne qal li jekk il-proċess jibqa’ miexi kif inhu, issa huwa proġettat li sal-aħħar ta’ Ġunju pajjiżna jkun kiseb il-‘herd immunity’, minflok f’Settembru kif kien ippjanat qabel.

Żied li mil-lum mhux se jibqgħu jintbagħtu ittri bi stedina, u minflok se tinfetaħ sistema ta’ reġistrazzjoni biex dawk il-persuni kollha minn 50 sena ‘l fuq minn jeddhom japplikaw biex jieħdu t-tilqima. Ġaladarba wieħed jirreġistra online jew b’SMS, jirċievi SMS biex jikkonferma li l-applikazzjoni tiegħu waslet, u f’temp ta’ ftit jiem jintbagħat SMS bl-appuntament għat-tilqima.

It-tilqim jista’ wkoll jingħata mit-tobba tal-familja fuq talba tal-persuna. Min jirreġistra mat-tabib tal-familja m’għandux jerġa’ jirreġistra għat-tilqima għal rasu.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, li qalet li l-effett tat-tilqim fuq il-popolazzjoni diġà beda jinħass għax l-ammont ta’ każi pożittivi ġodda naqas, fejn qed ikollna medja ta’ 55 każ kuljum. Qed jonqos ukoll l-ammont ta’ nies li qed jidħlu l-isptar bil-Covid.

Min-naħa tiegħu, Prof Michael Borg għamel referenza għal tħassib li tqajjem dwar każi ta’ trombożi wara li persuni ħadu l-AstraZeneca, fejn qal li f’Malta jkollna sitt każi kull ġimgħa ta’ trombożi fil-vini tas-saqajn, u għalhekk faċli jkun hemm każ fejn persuna tkun ħadet it-tilqima u kumbinazzjoni wara jkollha trombożi.

Qal li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għamlet riċerka fuq miljuni ta’ nies li ħadu l-AstraZeneca u qalet li m’hemm l-ebda rabta tat-tilqima mat- trombożi tal-vini tas-saqajn jew ma’ trombożi tal-pulmun, u sostna li m’hemm l-ebda kontraindikazzjoni għal min għandu xi storja ta’ din it-tip ta’ trombożi fil-familja.

Prof Borg kompla jispjega li l-każi ta’ trombożi li possibilment huma assoċjati mat-tilqima tal-AstraZeneca huma ‘cerebral venous sinus thrombosis’ fil-moħħ u trombożi fil-frixa, u dawn xorta huma każi rarissimi.

Segwi l-konferenza hawn: