Barranin
Fejn m’għandekx tmur għal btala din is-sena

Skont is-CNN, min se jsiefer din is-sena għandu jevita Venezja, Barċellona, u Santorini fl-Ewropa, filwaqt li għal min jippreferi destinazzjoni iktar ‘il bogħod mhux rakkomandat imur it-Taj Mahal, l-Everest u saħansitra l-Antartika.  L-aġenzija tal-aħbarijiet Amerikana ħarġet b’lista ta’ 12-il pajjiż li wieħed għandu jevita biex flok esperjenza negattiva, ikun jista’ jirrilassa meta jkun għall-btala.

Jgħid li wieħed għandu jaħsibha darbtejn qabel imur fl-Isle of Skye fl-Iskozja minħabba l-influss kbir ta’ turisti u flok is-sbuħija tal-kampanja tispiċċa tmur f’post iffullat bin-nies.  Is-CNN jgħid li aħjar wieħed jevita s-sajf meta l-post ikun inqas kaotiku jew inkella jmur fi Small Isles of Rum, Muck, Eigg jew f’Jura.

Is-CNN jirrakkomanda li t-turisti jevitaw il-belt Spanjola ta’ Barċellona li f’temp t’4 snin rat żieda ta’ 25% fit-turisti.  Minbarra li jgħid li hemm iktar x’tara minbarra Las Ramblas, jissuġġerixxi li wieħed iżur xi belt oħra Spanjola bħal Valencia li hija inqas iffullata u rinomata wkoll għall-ikel u l-kultura.

Il-belt Kroata ta’ Dubrovnik qed tirriskja li ma tibqax bi status ta’ wirt dinji tal-UNESCO minħabba l-ammont kbir ta’ nies li qed iżuruha kull sena.  Infatti, l-awtoritajiet qed jillimitaw in-numru ta’ nies għal 4,000 kuljum.  Is-CNN jgħid li l-aħjar li wieħed imur fil-belt pittoreska ta’ Cavtat fejn hemm ukoll bajjiet sbieħ fejn wieħed jista’ jgħum għawma lil hinn mill-folol.

Destinazzjoni oħra li s-CNN huwa tal-fehma li wieħed m’għandux iżur din is-sena hija l-belt Taljana ta’ Venezja.  Bi 30 miljun turist fis-sena, is-sena li għaddiet il-Venezjani niżlu fit-toroq jipprotestaw minħabba l-iffullar.  Jingħad li alternattiva tista’ tkun il-belt ta’ Annecy fi Franza li għandha network simili ta’ kanali mingħajr il-ġenn li normalment issib f’Venezja.

Ftit hemm postijiet fid-dinja minn fejn wieħed ikollu xeni spettakolari ta’ nżul ix-xemx bħalma tara minn Santorini, iżda din il-gżira Griega ma tiflaħx iktar tospita barranin fiha, minkejja li qed tillimita għal 8,000 turist kuljum.  Hekk kif tista’ titlef is-sbuħija tagħha, is-CNN jipproponi lil Naxos u Patmos bħala alternattiva li huma gżejjer oħra fil-qrib fejn hemm bajjiet sbieħ u restoranti tajbin f’atmosfer iktar kwieta.

Ir-reġjun ta’ Cinque Terre fuq ir-Riviera Taljana ukoll jinsab fil-lista tac-CNN tal-postijiet li mhux ideali żżur jekk trid btala trankwilla.  Jekk wieħed ikun irid jara dawn il-ħamest irħula pittoreski, l-aħjar żmien huwa fl-istaġuni kollha minbarra s-sajf, inkella jista’ minflok jinżel iktar lejn in-nofsinhar fejn hemm il-belt ta’ Portovenere, li għalkemm diffiċli biex tasal iżda toffri alternattiva denja għal Cinque Terre.

Postijiet iktar imbegħda li turist għandu jevita matul l-2018 huma l-Bhutan, it-Taj Mahal fl-Indja, il-muntanja Everest min-naħa tan-Nepal, Machu Picchu fil-Perù, il-Ġżejjer Galapagos fl-Ekwador u l-Antartika, ilkoll għall-istess raġuni, minħabba l-iffullar u l-periklu li ż-żidiet fl-ammont ta’ turisti qed iħallu impatt negattiv fuq ir-residenti u l-ambjent tal-post.