Fejn tidħol l-indafa jinteressana biss mill-bieb l-ġewwa?

Minkejja d-diversi faċilitajiet li jeżistu biex wieħed jiddisponi minn skart goff, bosta persuni għadhom jarmu l-iskart li jkollhom illegalment f’toroq imwarrba fejn huwa diffiċli li xi ħadd jarahom bħall-akwati tal-Imtaħleb u l-Baħrija. ‘Popolin’ analizza din il-problema li għalkemm isiru diversi tentattivi biex jiżdied l-għarfien rigward il-ħsara kbira u l-ispejjeż li jġib miegħu dan l-aġir, xorta għad jeżistu nies irresponsabbli li jaġixxu b’dan il-mod.

‘Popolin’ tkellem ma’ Ramon Deguara, Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni. Deguara spjega li s-sena li għaddiet din id-diviżjoni ġabret mal-ħmistax-il elf tunnellata ta’ skart mormi illegalment. Tenna li l-multi relatati ma’ dan l-aġir huma ħorox ħafna li jistgħu jitilgħu sa għaxart elef ewro jew iktar. Mistoqsi minn ‘Popolin’ x’jaħseb li hi r-raġuni għaliex ċertu persuni jibqgħu jarmu barra huwa qal; “naħseb lin-nies ma jkunux infurmati, għaliex biex tieħu l-kedda u r-riskju biex tarmi l-iskart illegalment, tista’ tieħu l-istess skart fis-civic amenity sites u tarmi l-iskart b’xejn. Ma nistax nifhem għaliex jintrema f’post u mhux f’ieħor”. Żied jgħid li l-ġbir tal-iskart jinvolvi ħafna riżorsi li fl-aħħar mill-aħħar jagħmel tajjeb għal dawn ir-riżorsi l-poplu Malti u Għawdxi.

Biex nifhmu aħjar dan l-aġir tkellimna ma’ Dr Margaret Camilleri Fenech, lettur fuq l-immaniġġjar tal-ambjent. Dr Camilleri Fenech spjegat li f’Malta nipproduċu rata għolja ħafna ta’ skart per capita. Fil-fatt Malta hija t-tieni l-iktar pajjiż li jipproduċi skart fl-Unjoni Ewropeja. Spjegat li din iż-żieda mhijiex biss kwistjoni ta’ żieda fil-popolazzjoni imma hija qed naraw ukoll żieda fl-ammont ta’ skart ġenerat minn kull persuna, dan ifisser li bħala poplu qegħdin inżidu fil-konsum, li sussegwentement ifisser li qed naħlu iktar. Mistoqsija mill-preżentatur jekk temminx li għad hawn uħud li jimpurtahom biss mill-bieb tad-dar il-ġewwa, Dr. Camilleri Fenech qalet li iva temmen li sfortunatament għad hawn min jimpurtah biss minnu nnifsu. Fuq nota iktar pożittiva saħqet li sar ħafna xogħol fejn tidħol edukazzjoni u għarfien f’dan is-suġġett speċjalment fejn jidħlu t-tfal.

Hija temmet l-intervent tagħha billi spjegat kemm hu importanti li meta l-Gvern jikkunsidra l-ekonomija u l-GDP li jiġi ġġenerat minn ta’ diversi oqsma fosthom it-turiżmu u l-kostruzzjoni, għandu jieħu wkoll in konsiderazzjoni l-ispejjeż li jġibu magħhom l-istess industriji f’immaniġġjar ta’ skart. B’dan il-mod inkunu nistgħu noħolqu ekonomija ħafna iktar nadifa u iktar sostenibbli.