Annimali
Fekruna operata wara li fetħulha daharha ktieb b’daqqa ta’ skrun

Fekruna nstabet bil-qoxra ta’ daharha miftuħa ktieb wara li qalgħet daqqa ta’ skrun minn xi bastiment, bil-ġrieħi jindikaw li ilha madwar erba’ ġimgħat midruba. S’issa saritilha l-ewwel operazzjoni, u għad jonqosha żewġ operazzjonijiet oħra.

Il-Kap Eżekuttiv tal-għaqda Nature Trust, Vincent Attard, spejga ma’ TVM kif il-fekruna, li ssemmiet Yosu, tinsab f’qagħda kritika, iżda qed tirrispondi tajjeb għat-trattament.

Qal li sa ċertu punt kienet ixxurtjata minħabba li l-ġilda ma nqasmitx, u għalhekk ma daħlilhiex ilma mal-organi, madanakollu laħqu kibrulha ħafna ħlejjaq bħal imħar bejn il-qoxra u l-ġilda.

Is-Sur Attard qal li l-fekruna nstabet minn persuni abbord jott bl-ilqugħ li kien ġej mill-Greċja. Fi triqthom lejn Malta l-istess persuni sabu wkoll żewġt ifkieren oħra, li sfortunatament waħda minnhom kienet mejta. Il-fekruna l-oħra qed tingħata trattament minħabba infezzjoni severa wara li kienet maqbuda fil-plastik.

Is-Sur Attard qal li jumejn wara reġgħet iddaħlet għandhom fekruna oħra, din id-darba b’sunnara tat-tonn imwaħħla.

L-għaqda Nature Trust, li fi ħdanha għandha tim iddedikat għas-salvataġġ ta’ ħlejjaq tas-selvaġġ, fakkret li l-fkieren huma speċi f’riskju li tinqered, u appellat lil kull min għandu dgħajsa biex isuq bil-galbu.