Lokali
Aġġornat – Justyne Caruana tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ ittra anonima dwar il-każ tad-droga f’Għawdex

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ċaħdet li għandha xi konnessjoni ma’ każ tad-droga f’Għawdex, wara ittra anonima li l-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami ppreżenta fil-Parlament u li fiha kienet tissemma’ Dr Caruana.

Fenech Adami poġġa fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati ittra anonima li qal li rċevew xi deputati illi s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana u l-Maġistrat Grezzju Mercieca kienu preżenti f’laqgħa fil-Ministeru ta’ Għawdex f’Ottubru 2016 fejn iltaqgħu ma’ ġenitur ta’ wieħed minn żewġ żgħażagħ implikati fi traffikar ta’ droga skont kif żvelat f’ġurnal tal-Ħadd xi ġimgħat ilu fejn tbiddlet il-verżjoni ta’ dak li ġara.

L-Avukat Fenech Adami qal li huwa konvint li la dan m’huwiex minnu u li l-avukati Caruana u Mercieca qed jintużaw biex jiżvijjaw l-inkjesta li qed issir dwar il-każ u li qed tintuża l-Oppożizzjoni biex isir dan.

L-Avukat Fenech Adami ilmenta li l-inkjesta qed issir minn avukat u mhux minn ex membri tal-ġudikatura. Huwa lmenta mir-rabta ta’ traffikanti tad-droga ma’ politiċi.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela qal illi wieħed għandu jistenna l-eżitu tal-inkjesta li qed issir u wieħed ma jistenniex li huwa għandu jindaħal fl-investigazzjoni. Il-Ministru Abela qal li r-ritratti ppubblikati juru nies imdaħħla fit-tixrid tad-droga f’ritratti mal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Intant, fi stqarrija, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ċaħdet li għandha xi konnessjoni mal-każ li ssemma’ fuq il-gazzetti, u li diġà infetħet inkjesta indipendenti dwaru. Sostniet li l-ġustizzja għandha titħalla tieħu l-kors tagħha mingħajr ma tiġi preġudikata b’allegazzjonijiet anonimi.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Ilhom snin twal ikerrħu l-ambjent f’ċerti inħawi, iżda huma meħtieġa biex jitwassal servizz essenzjali: l-elettriku. Qed nirreferu għal arbli fil-kampanja b’cables imdendla magħhom. Li fihom tajjeb hu li jista’ jasal…

Lokali

Il-midja Taljana qed tkompli tirrapporta bi prominenza l-arrest ta’ Darren Debono ta’ 43 sena, li nqabad f’lukanda f’Lampedusa wara li kien imfittex b’rabta ma’ kuntrabandu tal-fjuwil mil-Libja. Debono, li kien…

Lokali

Jonathan Felice intbagħat disa’ snin ħabs wara li tilef l-appell b’rabta ma’ serqa bil-vjolenza li seħħet f’Ġunju 2006, meta huwa kien għad kellu 17-il sena. Dak iż-żmien anzjana ta’ 81…

Lokali

Il-Gvern ħabbar id-dettalji tar-rigal ta’ €1 miljun li se jkun offrut lil min jikxef informazzjoni konkreta li twassal biex ikun solvut il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fi stqarrija l-Gvern qal…

Aktar