Qorti
AĠĠORNAT: Fenech jixhed li kien jaf li għandu t-telefon itteppjat

Yorgen Fenech, li jinsab akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ikkonferma bil-ġurament li kien infurmat bil-quddiem bir-rejd li l-pulizija kienet ser tagħmel f’Diċembru tal-2017, biex tarresta l-persuni li allegament huma involuti fid-delitt, u li kien infurmat li t-telefon tiegħu kien itteppjat mis-servizzi tas-sigurtà.

Fenech kien qed jixhed fil-kawża li fetaħ huwa stess biex l-Ispettur Keith Arnaud ma jkompliex imexxi l-investigazzjoni, minħabba li skond Fenech għandu rabtiet mill-qrib mal-eks chief of staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Fix-xhieda tiegħu fil-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, Yorgen Fenech, allega li Keith Schembri tah dettalji fuq il-maħfra presidenzjali u infurmah li l-mobile tiegħu kien qed jiġi itteppjat mis-servizzi tas-sigurtà. Allega li din l-informazzjoni kollha ngħatat lil Keith Schembri mill-Ispettur Arnaud. Xehed ukoll li Keith Schembri kien tah informazzjoni qabel l-arresti u d-data li kien se jkun l-arrest tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.

Għar-raba’ darba fi ftit jiem, Yorgen Fenech reġa’ kien fl-awla tal-Qorti, din id-darba fi proċeduri li beda huwa stess fil-konfront tal-Ispettur Keith Arnaud, li investigah u ressqu l-Qorti biex akkużah li kien il-mandant li ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Is-Sur Fenech xehed li waqt li kien fil-lock-up tal-pulizija, l-Ispettur Arnaud qallu li għandu jkun responsabbli u joqgħod attent lil min jinvolvi fil-każ. Żied jgħid li fehem li meta Arnaud qallu jieħu pass lura, kien qed iwissih biex ma jsemmix lil Keith Schembri. Xehed li waqt li kien arrestat u waqt li kien bil-police bail, ingħata żewġ messaġġi mingħand Keith Schembi dwar kif iwieġeb fl-interrogatorju.

Huwa kompla jgħid li għall-ewwel il-pulizija bdew jieħdu l-interrogazzjoni miegħu pass wara l-ieħor, imma malli semma lil Kieth Schembri, qal li f’daqqa waħda kien hemm għaġla kbira li jressquh il-Qorti. Is-sur Fenech insista li l-Ispettur Arnaud mhuwiex f’pożizzjoni li jinvestigah, minħabba r-relazzjoni mill-qrib tiegħu ma’ Keith Schembri.

Yorgen Fenech qal li Keith Schembri kien qallu li kellu relazzjoni tajba ħafna mal-Ispettur Arnaud. Mistoqsi fuq ir-relazzjoni bejnu u Keith Schembri, is-Sur Fenech qal li din kienet relazzjoni fraterna u li kienu jiltaqgħu darbtejn fil-ġimgħa, isajru għand xulxin.

Yorgen Fenech kompla jgħid li r-ritratt ippubblikat fil-ġurnali l-ġimgħa l-oħra ta’ Keith Schembri u l-intermedjarju Melvin Theuma f’Kastilja, ġie elevat mil-uffiċċju ta’ Yorgen Fenech, flimkien mal-kuntratt ta’ impjieg li Melvin Theuma kien ingħata mal-gvern bil-kundizzjoni li ma jkunx imġiegħel jirrapporta għax-xogħol.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes nieda l-viżjoni tal-ewwel Sistema Nazzjonali tal-Housing f’Malta. Aktar minn 50 stakeholder nġabru madwar il-mejda għat-tfassil tal-ewwel sistema ta’ housing f’Malta. Il-Ministru Galdes qal li d-deċiżjoni…

Temp

L-Uffiċċju Meterjoloġiku ta’ Malta qed iwissi b’riħ qawwi. Ir-riħ mill-Majjistral ser ikun qawwi kultant fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sat-3 ta’ għada filgħodu

Aktar