Stejjer Umani
Ferħana għax irrappreżentat lil Malta fil-Fashion Week f’Londra

Iċ-ċkejkna Francesca Rausi ta’ 5 snin kienet l-unika Maltija li ħadet sehem fis-serati prestiġġjużi Fashion Week f’Londra.

Francesca Rausi, li għandha l-kundizzjoni Down, issorprendiet lil kulħadd meta fuq il-passarella tal-London Fashion Week ħarġet timmudella libsa speċjali li ħietet apposta għaliha stilista internazzjonali tal-moda.

Id-disinjatriċi ta’ Dis is Me Coutoure f’Londra għażlet lil Francesca Rausi ta’ 5 snin biex tieħu sehem fis-serata prestiġġjuża tal-moda, London Fashion Week.

“Għall-ewwel lanqas ridt nemmen li riedet lil Francesca biex timmudella u kif qaltli li għal London Fashion Week kienet ikbar is-sorpriża”.

Francesca mxiet fuq il-passarella b’mod kunfidenti għall-aħħar b’ommha Michelle tgħid li ilha tinnota li bintha tħobb ħafna l-moda.

“Ma tistħix … il-modelling huwa xi ħaġa li tħobb tagħmel u kellha 700 sena biex toħroġ”.

Michelle qaltlilna li ħadet gost li Francesca ħadet sehem fil-London Fashion Week għax irrappreżentat lil Malta fid-diversità tagħha.

“Ħaġa ħafna sabiħa li ltqajna magħha, għax temmen fl-inklużjoni, biex it-tfal kollha jkollhom ċans, għandhom x’għandhom huma min huma”.

Michelle qalet li l-gost tagħha mhux għax bintha ħadet sehem imma għax issa tfal bid-Down syndrome qed ikunu inklużi u apprezzati

“Irridu naraw iktar tfal b’kundizzjonijiet li jieħdu sehem għax hekk biss nistgħu inwasslu l-messaġġ tagħna, għax in-nies jekk jaraw lil Francesca timmudella, japprezzaw lil Francesca hi kif inhi”.

Francesca tant marret tajjeb li għas-sena d-dieħla ġiet mistiedna biex tiftaħ l-ispettaklu tal-istess disinjatriċi fil-London Fashion Week bi Francesca d-dar diġà qed tipprepara billi tipprattika l-mixja tagħha, bil-ħlewwa kollha tagħha.