Lokali
ARA: Festa sorpriża fuq tal-linja minn kmieni filgħodu

Passiġġieri li kienu fuq karozza tal-linja dalgħodu kmieni kienu sorpriżi bil-mod kif intlaqgħu huma u jivjaġġaw fuq ir-rotta miċ-Ċirkewwa sal-Belt Valletta.

Dan hekk kif minflok raw kif se jgħaddu l-ħin li jqattgħu biex jivjaġġaw, li xi kultant ikun monotonu, sabu lil Ozzy Lino u sħabu jdoqqu u jallegrawlhom il-ġurnata.

Il-kantant popolari beda jkanta u jdoqq diversi siltiet mużikali li permezz tagħhom paxxa l-widna ta’ dawk li kienu abbord ix-xarabank, tant li waqt il-vjaġġ infexxew ikantaw u jċapċpu miegħu u ħolqu atmosfera ta’ festa.

Fuq inizjattiva tal-Valletta 2018, Tal-Lino se tibqa’ għaddejja matul din il-ġimgħa, bil-għan li waqt li kull rotta tieħdok il-Belt, il-passiġġieri jidħlu fil-vena taċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru fl-inawgurazzjoni tal-Belt Kulturali Ewropea tal-Kultura.

Jidher li Ozzy Lino se jkun qed jaqbad tal-linja għall-għarrieda minn diversi rotot f’Malta u Għawdex.  Min jaf jekk hux se tinzertah inti darb’oħra?