X

Festival ta’ arti fiċ-Ċittadella

Bejn Awwissu u Settembru ta’ din is-sena se jittella’ ċ-Ċittadella Arts Festival f’Għawdex. Dan il-festival qed jiġi organizzat minn DCapitals Big Band bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u ta’ Malta Arts Council (Gozo Cultural Support Programme) kif ukoll ta’ Heritage Malta.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li f’Għawdex hemm talent li jrid jiġi sostnut u kien għalhekk li matul din il-ġimgħa tqassmu madwar €160,000 f’fondi u li ammont sostanzjali ngħata lill-organizzazzjonijiet jew lill-għaqdiet li jorganizzaw attivitajiet kulturali. Il-Ministru għal Għawdex tenniet li dawn l-attivitajiet qed jagħtu kontribut lill-gżira Għawdxija fuq diversi fronti u mhux b’inqas dak ekonomiku u turistiku. 

Id-Direttur Artistiku tal-festival George Apap spjega li dan il-festival hu mingħajr l-ebda dubju l-akbar proġett li daħlet għalih D Capitals fil-ħames snin li ilha mwaqqfa. L-idea li jittella’ dan il-festival nibtet wara li f’Settembru 2016 il-band kienet mistiedna ttella’ kunċert fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni wara x-xogħlijiet ta’ restawr li saru fiċ-Ċittadella. Minn dakinhar il-band baqgħet iżżomm l-appuntament tagħha billi kull sajf ittella’ kunċert kbir bis-sehem ta’ kantanti lokali u barranin.

Għall-programm uffiċjali u għal aktar dettalji wieħed jista’ jżur il-paġna uffiċjali ta’ Facebook: www.facebook.com/cittadellaartsfestival jew jibgħat email fuq info@caf.mt.