COVID-19
F’Għajnsielem installazzjoni ddedikata għal dawk li mietu bil-COVID-19

It-tbatija ta’ żewġ realtajiet: waħda li tmur lura elfejn sena u oħra ta’ żmienna tinsab rappreżentata fi stallazzjoni fuq it-taraġ li jwassal għall-knisja imponenti ta’ Għajnsielem. Din hi waħda mill-ftit inizjattivi li din is-sena qed jittieħdu fuq barra, għal żmien ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa.

Aktar minn 800 salib tal-injam twaqqfu fuq it-taraġ quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Għajnsielem fi stallazzjoni li qed toħloq atmosfera partikulari mal-jum, iżda ferm isbaħ bil-mod kif qed tkun mixgħula wara nżul ix-xemx. L-istallazzjoni bit-tema: “Is-Salib, Ġesù u Int” hi l-idea tal-Viċi Sindku, Franco Ciangura, u saret bl-għajnuna ta’ voluntiera mill-Għaqda Drammatika u l-Għaqda tal-Armar tal-lokalità. L-inizjattiva qed tirrappreżenta żewġ realtajiet: il-ġrajja tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù li l-Knisja tfakkar fi ftit tal-ġranet oħra u ż-żmien partikulari li qed ngħixu fih bħalissa bl-isfidi tal-pandemija tal-COVID-19.

“Din l-istallazzjoni qed niddedikawha lil dawk kollha li mietu b’dan il-virus, lill-familjari tagħhom u anke lil dawk kollha li għaddejjin minn xi żmien difficli. Kif taraw l-istallazzjoni fiha slaleb bojod u slaleb ta’ kulur l-injam. Is-slaleb bojod jirrappreżentaw lil kull persuna li ħallietna. Is-slaleb l-oħra jirrappreżentaw lilna lkoll li b’xi mod kulħadd qed jgħix jew għaddej minn żmien diffiċli. Kulħadd għandu xi salib.”

Għal kull wieħed mit-377 vittma hemm dedikat salib abjad. Il-mewt ta’ Ġesu tinsab rappreżentanta b’salib kbir fin-nofs. L-istallazzjoni għandha l-appoġġ tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem.

“Din l-esebizzjoni saret ukoll fuq xi ħaġa li jippromwovi ħafna l-Kunsill, materjal riċiklat, fil-fatt dawn is-slaleb kollha saru minn injam ta’ kumpaniji privati li m’għadhomx jintużaw u hi xi ħaġa sabiħa li minn dan il-materjal ħloqna attrazzjoni oħra f’Għajnsielem.”

Fi kliem l-organizzaturi, b’din l-inizjattiva jridu jwasslu wkoll messaġġ ta’ kuraġġ biex bħalma wara l-passjoni Ġesù ħareġ rebbieħ fuq il-mewt, bl-istess mod il-poplu jħares ‘il quddiem lejn żmien aħjar.