Għawdex
F’Għawdex: L-ambjent u l-kultura se jgawdu minn investiment ta’ iktar minn €10m minn fondi Ewropej

Se tingħata attenzjoni lil 25 kilometru ta’ ħitan tas-sejjiegħ u diversi widien f’Għawdex. Dan hu wieħed minn żewġ proġetti li għalihom Għawdex akkwista fondi Ewropej.

Beda x-xogħol ta’ restawr jew bini mill-ġdid ta’ iktar minn 25 kilometru ta’ ħitan tas-sejjieħ u t-tisbiħ ta’ diversi widien f’Għawdex. Ix-xogħol ser isir b’investiment ta’ iktar minn €10 miljun minn fondi Ewropej. F’Ta’ Kerċem u x-Xewkija diġà nbnew mill-ġdid madwar erba’ kilometri u nofs ta’ ħitan tas-sejjiegħ, b’għoli li jlaħħaq iktar minn ħames metri f’ċerti postijiet. Se jiġu riabilitati wkoll 12-il wied biex jgħinu fil-ġbir tal-ilma tax-xita.

Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qal li dan il-proġett jidħol kexxun mal-viżjoni tal-Gvern li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika.

”Dan se jwassal għal kampanja rurali iktar attraenti mibnija skont is-sengħa għal dawk proprju li jżuru Għawdex u li jmorru dawriet u passiġġati fil-kampanji tagħna.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li x-xogħol se jsebbaħ il-pajsaġġ Malti filwaqt li jipprovdi ambjent aħjar għall-bdiewa u n-nies tal-inħawi.

”Dan l-investiment se jgħin biex nieħdu ħsieb il-ħamrija u l-bdiewa li kellhom bżonn din l-għajnuna estensiva minħabba l-għelieqi tagħhom.”

U b’investiment ta’ €176,000 minn fondi Ewropej ukoll se jinħolqu spazji għall-wirjiet dwar l-istorja u l-kultura Għawdxija fit-Teatru Astra fir-Rabat. Il-proġett, bl-isem ta’ ‘Identity of an Island’, se jwassal biex f’Mejju tas-sena d-dieħla f’dawn l-ispazji jittellgħu avvenimenti kulturali biex imbagħad jintużaw fiċ-ċelebrazzjonijiet annwali ta’ Jum ir-Rabat.