COVID-19
F’ġimgħa jingħataw 1,295 ċitazzjoni lil persuni li ma libsux il-maskra

F’ġimgħa waħda biss l-uffiċjali tal-komunità għamlu iktar minn 2,800 spezzjoni marbuta mar-regoli li jitolbu l-ilbies ta’ maskra bil-għan li jkun miġġieled it-tixrid tal-Covid-19.

Dawn l-ispezzjonijiet saru fuq it-trasport pubbliku, fuq il-vapuri tal-Gozo Channel, f’ diversi ħwienet kif ukoll fit-toroq. Riżultat ta’ dawn l-ispezzjonijiet, bejn it-Tnejn 26 ta’ Ottubru u l-Ħadd l-ewwel ta’ Novembru ngħataw 1,295 ċitazzjoni fejn persuni nstabu mingħajr il-maskra kif mitlub mill-avviżi legali li hemm fis-seħħ.

Dan ix-xogħol jikkumplimenta dak li qed jagħmlu entitajiet ta’ infurzar oħra fosthom il-pulizija, MTA u l-ispettorat għas-saħħa pubblika.

Il-Kap Eżekuttiv tal-LESA, is-Sur Svetlick Flores, spjega li bħala LESA, anke riżultat tal-preżenza li għandha fil-komunitajiet, ħadet irwol attiv ħafna fejn jidħol infurzar fuq ilbies ta’ maskri. Din hi waħda mill-miżuri li qed jimbottaw l-awtoritajiet tas-saħħa u li meqjusa bħala importanti ferm biex niġġieldu l-imxija.