Turiżmu
F’ġimgħa mill-ftuħ tal-ajruport ta’ Malta għaddew 20,000 passiġġier

Fl-ewwel ġimgħa mill-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport għal titjiriet kummerċjali, għaddew 20,000 passiġġier. Il-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli, qalet li għalkemm is-sitwazzjoni internazzjonali għadha imprevedibbli ħafna, dawn iċ-ċifri huma inkoraġġanti u bl-istess mod huma l-bookings konfermati fil-lukandi għall-ġimgħat li ġejjin. Żiedet tgħid li hu ttamat li x-xahar id-dieħel jerġgħu jibdew ukoll xi żjarat f’Malta minn cruise liners.

Fl-ewwel ġimgħa sħiħa tal-ajruport miftuħ mill-ġdid għal titjiriet kummerċjali, il-Ministeru għat-Turiżmu rrapporta li kien hemm ‘il fuq minn 220 titjira minn u lejn Malta b’ 20,000 passiġġier.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ltaqgħet mal-operaturi ta’ lukandi f’kategoriji differenti u stabbilimenti turistiċi. Osservat li tul il-pandemija ħafna ħadu l-opportunità jagħmlu xogħlijiet ta’ tisbiħ u jħejju biex joffru servizzi ġodda u b’hekk it-turisti li jżuru Malta jesperjenzaw prodott turistiku aħjar u ta’ kwalità. Qalet li filwaqt li t-turiżmu intern kompla għaddej b’ritmu tajjeb, sidien ta’ lukandi qed iħarsu ‘l quddiem li jilqgħu aktar turisti, partikolarment mill-ġimgħa d-dieħla meta l-ajruport se jiftaħ għal aktar destinazzjonijiet.

“Bidu tajjeb. L-akbar brand li għandha Malta hi li Malta kienet u għadha pajjiż safe. Dan kien konfermat min-numru ta’ turisti li llum kellna l-opportunità niltaqgħu magħhom,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Investiment ta’ €2 miljun fil-Valletta Waterfront – tama li l-passiġġiera tal-cruise liners jerġgħu jżuru Malta minn Awwissu

Sadanittant, it-tmexxija tal-Valletta Cruise Port qed tittama li mix-xahar li ġej jerġgħu jibdew iż-żjarat f’Malta mill-cruise-liners.

Fix-xhur fejn l-attività fil-Valletta Cruise Port kienet wieqfa għal kollox, il-kumpanija li tmexxi t-terminal tal-cruise-liners u s-sidien tal-istabbilimenti fil-post investew b’€2 miljun biex saru tined ġodda. Fi kliem il-Kap Eżekuttiv, Stephen Xuereb, it-tined ġew disinjati apposta biex jirrispettaw l-aspett storiku u l-estetika tal-post. Is-Sur Xuereb qal li l-għan aħħari hu li joffru esperjenza ta’ kwalità lill-klijenti, kemm Maltin kif ukoll barranin.

“Ta’ min ifakkar li s-sena l-oħra dan il-post offra l-ewwel impressjoni ta’ Malta lil 900,000 passiġġier li żaru Malta bi cruise liner u għandna konkorrenza tajba min-nies tal-lokal li jiġu mal-familja u l-ħbieb,” spjega l-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port.

Ix-xogħol li sar intwera lill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, li żaret in-negozji li reġgħu bdew jopraw fl-aħħar ġimgħat b’sistemi u protokolli ġodda.

Hi faħħret lit-tmexxija tal-post li meta n-negozju kien wieqaf ħadet l-okkażjon issaħħaħ l-infrastruttura biex ittejjeb il-rposdott turistiku. Irrimarkat li dan ikompli jibni fuq li sar mill-Valletta Crusie Port li mindu ħa l-faċilitajiet f’idejh fl-2002 investa madwar €30 miljun.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb organizzat mill-kunsill nazzjonali tal-ktieb se jsir online l-11 u l-15 ta’ Novembru minflok ma jsejjaħ in-nies f’dar il-Mediterran il-Belt Valletta. Dan minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 u l-pariri tal-Awtoritajiet…

Lokali

Melvin Theuma,  l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġie rilaxxat mill-Isptar Mater Dei. Ġimagħtejn ilu huwa ddaħħal l-isptar wara li kien instab f’għadira f’demm b’feriti f’għonqu u fil-kustilji. Dan wara li…

Edukazzjoni

Bil-pjan tal-Gvern hu li f’Settembru jiftħu l-iskejjel, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnnici qal li għaddejjin taħdidiet biex it-tagħlim tat-tfal isir mis-sena skolastika li jmiss bil-miżuri meħtieġa kontra l-imxija tal-Covid. Dr Bonnici tkellem…

Saħħa

L-operazzjonijiet se jerġgħu jibdew min-nhar it-Tnejn li ġej iżda d-direttivi tal-Outpatients se jibqgħu fis-seħħ. Dan intqal mill-MAM fi stqarrija uffiċjali wara l-aġġornament tal-aħbarijiet li ta d-Deputat Mexxej, Dr Chris Fearne…

Aktar