Barranin
F’Hong Kong: Jekk ma jiħdux it-tilqima jridu jħallsu għal testijiet regolari

F’Hong Kong, il-ħaddiema tal-Gvern, kemm dawk li jaħdmu fl-edukazzjoni u anki dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, iridu jieħdu t-tilqima kontra l-Covid jew inkella ikollhom iħallsu għal swab tests regolari li jsiru.

Dan tħabbar mill-mexxej ta’ Hong Kong Carrie Lam bħala mezz ieħor biex iktar nies jieħdu t-tilqima kontra l-Covid.

F’Hong Kong ilhom diġa’ kważi xahrejn bla ebda każ ġdid ta’ Covid u l-ħajja irritornat kważi għan-normal, ħlief għal restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u kwarantina għal kull min jidħol.

L-awtoritajiet iżda qed jippruvaw jimmotivaw iktar nies biex jieħdu t-tilqima, b’negozji taw inċentivi lil dawk il-ħaddiema li aċċettaw li jieħdu t-tilqima.

F’Hong Kong saret saħansitra lotterija b’valur ta’ miljun dollaru għal dawk li ħadu t-tilqima. Il-Gvern ta’ Hong Kong se jibqa’ jagħti t-tilqima bla ħlas sal-aħħar ta’ Ottubru, b’terz tal-popolazzjoni biss ħadu ż-żewġ dożi filwaqt li nofs ħadu l-ewwel doża.