Droga
Fi 13-il xahar id-Dwana qabdet b’valur ta’ €123 miljun fi droga

Għadha attiva l-investigazzjoni wara s-sejba ta’ ftit inqas minn 290 kilo kokaina li nstabu moħbija f’erba’ containers tal-frott li nħattu fil-Freeport. TVM huwa infurmat li bħala parti mill-istħarriġ għaddejjin kuntatti mal-pajjiżi fl-Amerika t’Isfel u mal-pajjiż Ewropew fejn kienet sejra din id-droga, li hija stmata li għandha valur fis-suq ta’ aktar minn €32 miljun. Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva din it-tieni l-akbar qabda ta’ droga kokaina mid-Dwana bħala turija ta’ kemm Malta qed tieħu bis-serjetà l-ġlieda internazzjonali kontra d-droga.

Minħabba s-sensittività tal-investigazzjoni dwar il-kważi 290 kilo ta’ droga li nqabdu mid-Dwana fil-Freeport, li kienu sejrin lejn pajjiż Ewropew, l-investigaturi qed iżommu skiet perfett dwar il-pajjiż tal-oriġini u tad-destinazzjoni filwaqt li għaddejjin kuntatti mal-awtoritajiet f’dawn il-pajjiżi bħala parti mill-investigazzjoni.

Minn tagħrif li TVM kiseb qed jingħad li din kienet l-ewwel darba li konsenja illegali ta’ droga kienet qed tinġarr minn pajjiż fl-Amerika t’Isfel u wara waqfa f’Malta kellha tittieħed lejn pajjiż ieħor fl-Ewropa Ċentrali.

Id-droga kokaina li nstabet fl-investigazzjoni mill-uffiċjali tad-Dwana kienet imqassma f’240 pakkett f’erba’ containers li kienu mimlija bil-banana. Id-Dwana qalet li l-pakketti bid-droga kienu moħbija f’partijiet mill-kompressur u bejn il-ħitan doppji tal-container tal-friża.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat wera l-apprezzament għax-xogħol li sar b’ħidma bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk barranin li qal irnexxielhom jagħtu daqqa ta’ ħarta kbira liċ-ċirku internazzjonali tad-droga.

Dr Muscat qal “naħseb li żżid il-kredibiltà tal-pajjiż u turi li qed nieħdu l-ġlieda internazzjonali kontra d-droga, bl-għajnuna mal-awtoritajiet kollha internazzjonali b’serjetà kbira, u nixtieq nirringrazzja lit-tmexxija tad-Dwana, lill-Pulizija, servizzi tas-sigurtà u lil dawk kollha involuti.”

Waqt li l-każ għadu f’idejn l-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, infetħet inkjesta maġisterjali bl-assistenza tat-Taqsima Forensika tal-Pulizija. Il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna u l-Ministru Konrad Mizzi f’konferenza tal-aħbarijiet qalu li l-investiment li sar ta’ €2 miljun fl-iscanner tad-Dwana reġa’ kien għodda importanti biex instabet id-droga. Il-Ministru Mizzi qal li l-investigazzjoni kontra t-traffikar tad-droga ser tintensifika fl-Ajruport filwaqt li fil-Freeport diġà tat bosta riżultati.

Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana, Joe Chetcuti qal li fl-aħħar 13-il xahar, inqabdu b’16,000 kilo reżina tal-kannabis u 633 kilo kokaina. Qal li dawn huma stmati li kienu jġibu prezz ta’ €123 miljun fit-triq. Intqal li b’dil-ħidma, Malta qed tagħti sehem qawwi mhux biss biex id-droga kemm jista’ jkun ma tidħolx f’Malta iżda tiġi interċettata qabel tasal f’pajjiżi oħra.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-għodwa għal John Cortis minn Ħal Qormi ma kinitx bħas-soltu. Ma’ TVM spjega li dalgħodu xħin qam xamm riħa ta’ ħruq u sema’ xi tfaqqigħ bħal bombi tal-festa. Huwa ħaseb…

Qorti

Kaled Muktahar Ben Gamhur ġie kkundannat 18-il xahar priġunerija. Huwa ammetta li seraq €118 u mobile minn karozza fil-15 ta’ Ġunju li għadda. L-akkużat kkommetta dan ir-reat ix-xahar li għadda…

Kronaka

Nirien żgħar ħakmu f’restaurant fil-Gżira. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-7.30am fi Triq ix-Xatt. In-nirien li żviluppaw f’restaurant ġew ikkontrollati mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili . Dak il-ħin ma kien hemm ħadd ġewwa. Kelliema…

Saħħa

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis ħabbar proġett pilota li se jibda mill-ġimgħa d-dieħla fejn anzjani li ma jistgħux joħorġu mid-dar, mill-Mosta u Birkirkara se jkunu jistgħu jitolbu biex…

Aktar