Lokali
Fi 3 snin Infrastructure Malta bniet medja ta’ aktar minn erba’ toroq fil-ġimgħa

Fi tliet snin, Infrastructure Malta bniet medja ta’ aktar minn erba’ toroq fil-ġimgħa. F’rendikont dwar it-toroq li saru s’issa mill-aġenzija, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg qal li b’kollox inbnew mill-ġdid ‘il fuq minn 700 triq li huma parti mill-pjan ta’ €700 miljun li l-Gvern intrabat li jwettaq fuq seba’ snin.

Triq il-Ġermanja fin-Naxxar hi waħda minn tlettax-il triq fiż-żona tas-Sagħjtar li qed jinbnew mill-ġdid minn Infrastructure Malta. Fi żjara lix-xogħlijiet, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg spjega l-kriterji kif jintgħażlu t-toroq biex fihom isir ix-xogħol.

“Għandek Infrastructure Malta li għandha survey xjentifiku dwar il-kundizzjoni ta’ kull triq fil-pajjiż u għandek l-esiġenzi u l-Kunsilli Lokali li forsi jkollhom ħsibijiet differenti għaliex din it-triq għandha ssir qabel l-oħra fil-lokalità li mhux neċessarjament toħroġ mill-aspett xjentifiku dwar il-kwalità tat-triq. Ovvjament trid tkun tikkwalifika li trid isir it-triq. Dawk huma l-karatteristiċi.”

Mill-bidu ta’ din is-sena, Infrastructure Malta lestiet ix-xogħol f’123 triq residenzjali u 71 triq oħra qalb il-kampanja. Il-Ministru spjega li bħalissa l-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta għaddejjin b’xogħlijiet f’aktar minn 50 triq residenzjali u 26 triq rurali oħrajn. Ix-xogħol jinkludi sistemi ta’ distribuzzjoni tas-servizzi bħal pajpijiet tal-ilma; katusi tad-drenaġġ; spralli; cables tal-elettriku; u servizzi oħra tat-telekomunikazzjoni/ Ix-xogħlijiet jinkludu wkoll il-pedamenti ta’ dawn it-toroq; bankini; saffi t’asfalt u linji ġodda.