Barranin
Fi Franza: Jeħel 25 sena ħabs wara li ammetta li qatel lil martu u ħaraqha

Ingħata l-verdett għal raġel li ammetta li qatel lil martu u ħaraq il-katavru, f’każ li xxokkja lil Franza u wassal għal dimostrazzjoni ta’ 10,000 ruħ.

Jonathann Daval ta’ 36 sena kien irrapporta lil martu Alexia Daval nieqsa f’Ottubru tal-2017, fejn qal lill-Pulizija li kienet ħarġet għal ġirja u ma rritornatx id-dar.

Il-katavru ta’ Alexia nstab jumejn wara nofsu maħruq, ġo foresta fil-villaġġ ta’ Gray, ‘il bogħod sew minn fejn kienet tmur tiġri.

Ftit wara din is-sejba, Daval indirizza konferenza flimkien mal-ġenituri ta’ martu, fejn deher emozzjonat.

Tliet xhur wara iżda, il-prosekuturi ħabbru li Daval kien ammetta li qatel lil martu bid-daqqiet, liema ammissjoni inkundizzjonata reġa’ għamilha quddiem l-Imħallef li kkundannah il-ħabs.