Barranin
Fi Franza, l-ogħla konsulent mediku jgħid li x’aktarx hemm bżonn tat-tielet lockdown nazzjonali

L-ogħla konsulent mediku fi Franza qal li x’aktarx li hemm bżonn tat-tielet lockdown nazzjonali dalwaqt biex titrażżan l-imxija tal-coronavirus fil-pajjiż. Minkejja li fi tmiem il-ġimgħa l-oħra ġiet imposta curfew stretta, l-ammont ta’ infezzjonijiet ġodda baqgħu jogħlew.

Il-Professur Jean-Francois Delfraissy, li huwa l-kap tal-kunsill xjentifiku li jagħti pariri dwar il-Covid-19, qal li hemm emerġenza u li din il-ġimgħa hija waħda kritika. Huwa sejjaħ għal azzjoni mmedjata fost tħassib dwar il-mod kif qed jinfirxu l-varjanti ġodda tal-coronavirus.

Il-Professur Delfraissy qal li l-informazzjoni qed turi li l-varjant il-ġdid li nstab fir-Renju Unit issa jammonta għal bejn 7 u 9 fil-mija tal-infezzjonijiet f’ċerti reġjuni fi Franza. Qal li l-pajjiż jinsab f’sitwazzjoni aħjar minn oħrajn fl-Ewropa iżda ddeskriva l-varjanti l-ġodda bħala ekwivalenti għat-tieni pandemija.

Wissa li jekk il-pajjiż ma jħarrax il-miżuri se jsib lilu nnifsu f’sitwazzjoni diffiċli minn nofs Marzu ‘l quddiem. Il-Gvern Franċiż mistenni jiltaqa’ nhar l-Erbgħa sabiex jiddeċiedi x’miżuri oħra hemm bżonn li jittieħdu.