Barranin
Fi Spanja 5,000 persuna evakwati wara li żbroffa vulkan fil-gżira La Palma

Fi Spanja, mal-5,000 persuna ġew evakwati wara li lbieraħ żbroffa vulkan fil-gżira La Palma.

Kawża tal-vulkan, li kien żbroffa l-aħħar 50 sena ilu, erba’ rħula ġew evakwati. Fil-muniċipalità ta’ El Paso, għadd ta’ djar spiċċaw milquta mil-lava li niżel mill-vulkan.

Il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, żar La Palma u spjega li l-awtoritajiet qed isegwu mill-viċin dak li għaddej u ssejħet il-gwarda ċivili u l-militar sabiex jassitu.

Sa issa ma ġiet irrapportata ebda mewt kawża tal-iżbroff tal-vulkan.