COVID-19
Fi Spanja karozzi tal-linja jintużaw biex jitrasferixxu l-pazjenti infettati bil-Covid-19

Il-każijiet tal-Coronavirus komplew jiżdiedu fl-Ewropa li għadha l-agħar milquta, bi Spanja u r-Renju Unit jirrappurtaw l-akbar għadd ta’ imwiet f’ġurnata waħda filwaqt li l-Italja u l-Ġermanja ġeddew il-perjodu tal-lockdown għal wara l-Għid. Il-pandemja affettwat it-tournament prestiġjuż ta’ Wimbledon li kellu jibda fl-aħħar ta’ Ġunju u li tħassar għall-ewwel darba sa mit-Tieni Gwerra Dinjija. Fl-Istati Uniti, il-mejta qabżu l-erbat elef u hemm il-biżgħa li jistgħu imutu sa mitejn elf persuna. Il-President Amerikan wissa lir-residenti biex isegwu l-istruzzjonijiet għax din hi kwistjoni bejn ħajja u mewt.

Spanja ma tistax tieħu r-ruħ. Fl-aħħar sigħat, il-karozzi tal-linji pubbliċi ntużaw biex jitrasferixxu l-pazjenti infettati bil-Covid-19 mill-isptar ewlieni f’Madrid għal ċentru tal-konferenzi li nbidel fi sptar temporanju li kapaċi jilqa’ sa 1,400 pazjent.

Fi Spanja, f’temp ta’ ġurnata mietu rekord ta’ 864 persuna u issa t-total ta’ vittmi qabżu d-disat elef. Minn ftit iktar minn mitt elf li ġew infettati, kważi kwart minnhom fiequ.

Fl-Ewropa sa issa mietu aktar minn tletin elf persuna b’dan il-virus, bis-Slovakkja tirrapporta l-ewwel vittma, raġel ta’ 60 sea li miet id-dar b’pulmonite ftit wara li nħareġ mill-isptar wara li ma ttestjax pożittiv għall-Coronavirus.

L-Italja, jibqa’ l-agħar milqut mill-imxija, bil-Ministru għas-Saħħa jgħid li l-miżuri tal-lockdown se jiġġeddu sat-13 t’April. Fl-aħħar jiem, għalkemm il-mejta baqa’ f’livelli għoljin, l-għadd ta’ infezzjonijiet ġodda naqsu fost tħassib li l-virus jista’ jaffettwa ħażin reġjuni fin-naħa tal-Italja li huma inqas żviluppati mir-reġjuni fit-tramuntana.

Fi Franza, is-sitwazzjoni wkoll qed tmur għall-agħar bi kważi ħames mitt persuna mejta. Fil-Belġju hemm kważi ħamest elef każ bil-Covid-19, b’elf minnhom fil-kura intensiva. Fl-aħħar 24 siegħa, 123 persuna mietu bil-virus, biex it-total tal-mejta qabeż it-828 b’aktar minn disgħin fil-mija minnhom għandhom aktar minn 65 sena.

Fl-Ewropa, il-virus mhux biss sewa l-ħajja ta’ aktar minn tletin elf persuna iżda ta’ ħafna postijiet tax-xogħol. Il-linja tal-ajru Portugiża TAP ħabbret li minħabba li l-ajruplani kollha tagħha jinsabu weqfin, se jkollha tkeċċi temporanjament disgħin fil-mija tal-għaxart elef ħaddiem li għandha.

Fl-Istati Uniti, il-mejta qabżu l-erbat elef fost tħassib li jistgħu jmutu sa mitejn elf persuna. Il-President Amerikan Donald Trump wissa lill-Amerikani biex isegwu r-restrizzjonijiet għax din hi kwistjoni bejn ħajja u mewt.

Intant, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guterres qal li l-pandemija tal-coronavirus hija l-ikbar sfida li qed tiffaċċja d-dinja mit-Tieni Gwerra Dinjija.

Aħbarijiet Oħra
Kurżitajiet

Il-livell tal-ilma f’Venezja bħalissa huwa għoli iktar min-normal f’dan iż-żmien tas-sena, b’xeni ta’ mwejjed u siġġijiet nofshom mgħerrqa fi Piazza San Marco. Ilbieraħ l-ilma laħaq 116-il ċentimetru; livelli rari ħafna…

Sbuħija

Il-parrukkiera u l-barbiera jistgħu jerġgħu jibdew iqaxxru jew jagħtu stil id-daqna tal-irġiel, sakemm l-appuntament ma jdumx aktar minn kwarta. F’aġġornament tal-obbligi u l-linji gwida għall-parrukkiera u l-barbiera, ippubblikati lbieraħ mill-Ministeru…

Barranin

Filmat qabad il-mumenti li valanga tat-tajn qerdet għadd ta’ djar fin-Norveġja lbieraħ. Il-valanga kbira seħħet f’Alta, fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż. B’xorti tajba fil-ħin tal-valanga ma kien hemm ħadd f’dawn id-djar,…

Logħob

L-aktar plejer popolari fiċ-Ċina, Jian Zihao, irtira uffiċjalment fl-età ta’ 23 sena minħabba problemi f’saħħtu. Huwa kien ilu plejer professjonali mill-2012 u kien jilgħab League of Legends bl-isem ta’ “Uzi”….

Aktar