Barranin
Fi Spanja: Se titneħħa l-kwarantina obbligatorja ta’ ġimagħtejn għal minn dieħel fil-pajjiż

Mill-ewwel ta’ Lulju, kull min jidħol fi Spanja mhux se jitqiegħed taħt kwarantina obbligatorja ta’ ġimagħtejn.

Dan tħabbar mill-Ministeru għas-Saħħa Spanjol hekk kif qal li minn Lulju se titneħħa l-miżura ta’ kwarantina obbligatorja li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Mejju li għadda, wara li Spanja spiċċat it-tielet l-aktar pajjiż Ewropew milqut mill-Covid-19 li wassal għall-mewt ta’ 28,752 persuna.

Il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez qal li l-istat ta’ emerġenza li kien hemm fil-pajjiż ta lill-gvern biżżejjed ċans biex iwaqqaf l-imxija tal-virus, li fil-ġimgħat li ġejjin imbassar li se jiġi meqrud għalkollox f’xi żoni qabel oħrajn.

Min jidħol fil-pajjiż mhux se jiġi obbligat joqgħod aktar taħt din il-kwarantina ladarba jitqies li jinsab f’kundizzjonijiet ta’ saħħa siguri.