Ambjent
Fi stadju avvanzat biex jingħalaq iċ-ċentru tal-immigranti fil-Marsa

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li l-gvern jinsab fi stadju avvanzat biex jingħalaq kompletament iċ-ċentru tal-immigranti fil-Marsa. Huwa qal li l-għan tal-gvern hu li jirriġenera din iż-żona u jagħmel mezz li l-faċilitajiet u l-ispazju f’din iż-żona jibdew jintużaw mill-għaqdiet, it-tfal u ż-żgħażagħ. Qal li dan qed isir mingħajr ma poġġa piż ġdid fuq lokalitajiet oħra.

Huwa qal li t-tnaqqis fin-numru ta’ wasliet fix-xhur li għaddew kien riżultat tad-deċiżjonijiet li ħa l-gvern b’mod speċjali l-ħidma li segwiet wara li ġie ffirmat ftehim mal-Libja dwar l-immigrazzjoni irregolari s-sena l-oħra.

Qal li l-piż tal-immigrazzjoni irregolari kompla jiġi indirizzat permezz tar-ritorn ta’ rejected asylum seekers lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom u permezz ta’ aktar rilokazzjonijiet ta’ immigranti lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.

Hekk kif tħabbar fil-Baġit tas-sena l-oħra, twaqqfet Returns Unit li hija ffukata speċifikament fuq ir-ritorn ta’ immigranti, kemm dak sfurzat u anke dak volontarju.

Qal li l-Gvern beda u se jkompli jsaħħaħ ir-riżorsi umani tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni u tal-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali. Qal li din l-istrateġija diġà qed tħalli l-frott u bejn Jannar u Settembru 2021 Malta kellha l-akbar ammont ta’ immigranti irregolari li ġew irritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom sa minn meta għolla rasu l-fenomenu tal-immigrazzjoni irregolari għall-ewwel darba 20 sena ilu.

F’din il-ħidma, il-Ministru qal li rridu nħarsu l-interessi tal-komunitajiet tant li tnaqqsu drastikament in-numru ta’ nies li jgħixu fiċ-ċentru tal-immigranti tal-Marsa u hu għalhekk li jinsabu fi stadju avvanzat il-pjan sabiex dan iċ-ċentru jingħalaq kompletament.