Lokali
Fi xjuħitu determinat jerfa’ 175kg ta’ ħadid!

Bħal sajjetta fil-bnazzi, tilef lil martu bil-kanċer meta wliedu kienu qed jitfarfru. Snin wara, il-kanċer ħadlu wkoll lil ibnu. Il-ħajja kompliet ittih bil-ħarta meta mititlu s-sieħba tiegħu wara relazzjoni ta’ 20 sena. Dawn il-ġrajjiet waqqgħuh f’dipressjoni.

Meta kien wasal biex imiss il-qiegħ, sab motivazzjoni fil-gym sal-punt li fi xjuħitu beda jerfa’ l-ħadid. Bħalissa, Frans Spiteri qed iħejji għal kompetizzjoni tal-powerlifting u ta’ 70 sena determinat li jerfa’ 175 kilo ħadid.

F’rokna tal-gym fil-Kumpless Sportiv ta’ Bormla Frans Spiteri ssibu kważi kuljum jerfa’ l-ħadid.

”Kont tlift lill-mara, tlift lit-tifel, tlift lill-partner. Ġejt vera down. Però mbagħad ippruvajt nagħmel xi ħaġa u ġejt il-gym.”

Rifes l-għatba tal-gym ta’ 60 sena u għall-ewwel, beda bi ftit mixi u ġiri.

”Kienu qed jagħmlu l-powerlifting. Bdew jiċċajtaw miegħi u jgħiduli ejja erfa’ u inti xiħ u inti hekk u spiċċajt ippruvajt u rfajt magħhom.”

Frans intefa’ b’ruħu u b’ġismu jitħarreġ. Spiċċa jikkompeti f’kompetizzjonijiet internazzjonali tal-powerlifting.

”Mort Oliveco l-Italja u kont għamilt l-ewwel rekord u kont ħadt pjaċir ħafna. Kont għamilt 155 squat u kont għamilt 190 deadlift. Għall-età tiegħi, kienu tajbin ħafna.”

Ikkompeta wkoll l-Istati Uniti u l-Irlanda.

”Ta’ 65 sena tlajt Master 5. Meta tlajt Master 5 imbagħad bdejt nagħmel ir-rekords għax kont imħarreġ tajjeb.”

Għalkemm il-ħajja tatu bil-ħarta, Frans jistqarr li l-gym għenu joħroġ mill-isqaq li kien fih.

”Meta bdejt nitħarreġ muġugħ ħafna, nibki u nitħarreġ, jien bdejt infiq u bqajna nitħarreġ sakemm fiqt. Dħalt fi 3 competitions mindu fiqt u issa sejjer r-4 waħda.”

Larkin Bonnici kien jinki lil Frans billi jgħidlu ‘xiħ’.

”Qed jerfa’ piż li la jien u lanqas il-maġġoranza tan-nies fil-gym mhuma kapaċi jerfgħu b’tant ħila u ħeġġa meta tikkunsidra wkoll il-fatt li għandu 70 sena.”

Frans qed iħejji għall-kompetizzjoni tal-powerlifting li ssir l-Ingilterra nhar il-Ġimgħa. Ta’ 70 sena, se jipprova jerfa’ 175 kilo ta’ ħadid.

”Squat se nipprova nitla’ 148/150 però jekk jisfidawni dak il-ħin biex jeħduli r-rekord, ovvja se nipprova iżjed. Tajjeb u ħażin se nerfa’ iżjed.”

”Deadlift għandi f’moħħi 175 hekk.”

Il-pajjiż jirrikonoxxi persuni bħal Frans, li għalkemm imdaħħlin fl-età, għadhom attivi fis-soċjetà permezz tal-Premju Anzjanità Attiva. In-nomini għall-edizzjoni li jmiss jintlaqgħu sal-11 ta’ Settembru.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Reklam fuq Malta Park biex ibiegħ oġġetti misruqa reġa’ daħħal lil Ronald Baldacchino minn Ħal Qormi f’xebgħa inkwiet. Baldacchino tressaq il-qorti u ġie mixli li seraq apparat mużikali tal-band Cryptic…

Pulizija

Il-Korp tal-Pulizija qal li sal-bidu tas-sena d-dieħla d-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji se jiġi rilokat f’binja ġdida ta’ tliet sulari f’Santa Venera. F’reazzjoni għar-rapport tal-kumitat tal-kunsill tal-Ewropa kontra l-ħasil tal-flus, MONEYVAL,…

Qorti

Żewġ xufiera ta’ coach inżammu arrestati fuq akkużi li kellhom x’jaqsmu sesswalment ma’ tifla ta’ 15-il sena li kienu jwassluha l-iskola. Il-Qorti semgħet kif Nidhin Eldhose ta’ 32 sena u…

Kostruzzjoni

Il-Gvern qed jikkunsidra diversi alternattivi għall-isfida tal-iskart tal-kostruzzjoni. Il-Prim Ministru Joseph Muscat insista li fl-immedjat, l-industrija tal-kostruzzjoni trid terfa’ r-responsabbiltà tagħha. Żied jgħid li jridu jinstabu soluzzjonijiet aktar fit-tul fost…

Aktar