Saħħa
Fiċ-ċentru tad-Detox qed jiżdiedu dawk li jmorru minħabba l-vizzju tal-kokaina u l-kannabis

Iċ-Ċentru Detox fi Gwardamangia jara mas-700 persuna kuljum li jmorru biex jingħataw il-methadone bħala sostitut tal-eroina. Matul il-pandemija, il-methadone kienet qed titqassam fir-residenzi tal-persuni li għandhom bżonnha.

Lejlet il-jum internazzjonali kontra d-droga, intqal li fl-aħħar snin kien hemm żieda fil-persuni li fittxew l-għajnuna minħabba l-użu tal-kokaina u l-kannabis.

Id-Direttur Kliniku taċ-Ċentru t-Tabib George Grech qal li għal snin twal, il-maġġoranza tal-persuni li kienu jfittxu l-għajnuna tad-Detox kienu jieħdu l-eroina, iżda fl-aħħar ħames snin żdiedet il-problema tal-kokaina u bil-mod il-mod qed jiżdiedu anke l-persuni li jfittxu l-għajnuna minħabba li saru dipendenti fuq il-kannabis. Dr Grech qal li l-ħaddiema taċ-Ċentru qed jingħataw taħriġ biex jindirizzaw dipendenzi oħrajn.

“L-ikbar problema li għandna hija l-problema tal-abbuż tal-alkoħol. Jien ngħid li dik hija l-ewwel problema u għandna issa problemi ġodda bħal gaming, l-internet addiction, sex addiction, jiġifieri dawn se jkun l-isfidi l-kbar li se jkollna ‘l quddiem,” spjega Dr Grech.

Minister for the Family, Children’s Rights and Social Solidarity Michael Falzon visits the Substance Misuse Outpatients Unit commemorating the International Day Against Drug Abuse and Illicit Trafficking

Lejlet il-Jum Internazzjonali kontra l-Abbuż u t-Traffikar tad-Droga, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon żar dan iċ-ċentru. Huwa qal li persuni li għandhom problema ta’ droga, ħafna drabi jkollhom problemi soċjali ohra bħalma huma l-użura, prostituzzjoni u vjolenza domestika. Qal li hemm bżonn ta’ aktar sapport soċjali permezz ta’ timijiet multidixxiplinarji.

Il-Ministru ħabbar li s-sena d-dieħla se jibda jopera ċ-Ċentru Terapewtiku tal-Ibwar, f’Ta’ Kandja, li se jgħin persuni taħt it-tmintax-il sena jegħlbu l-vizzju tad-droga.

“Qed nitkellmu fuq investiment ta’ madwar erba’ miljun ewro li qed joħroġ il-Gvern għal dan il-proġett f’dak li huwa l-bini imma wkoll qed nitkellmu fuq investiment umbagħad għall-operat tiegħu li wkoll se jitħallas minn fondi pubbliċi ta’ madwar 870,000 ewro fis-sena rikorrenti u dak naħseb juri impenn li hawnhekk ukoll iridu nagħmlu l-biċċa tagħna.”

Il-Ministru Falzon qal li dan il-proġett waqa’ ftit lura minħabba l-pandemija.