Barranin
Fiċ-Ċina jingħalaq l-isptar temporanju li nbena ħabba l-Coronavirus

Ikkonfermat li l-persuni infettati mill-COVID-19 madwar id-dinja issa skorrew iż-żewġ miljuni. L-Istati Uniti, l-ikbar kontributur tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa waqqaf il-fondi lil din l-Għaqda bil-President Trump jakkużaha li ġibdet il-ħabel taċ-Ċina u ħbiet il-verità mid-dinja.

Il-President Amerikan Donald Trump qal li l-Istati Uniti waqqfet il-fondi lill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għaliex xerdet informazzjoni qarrieqa mogħtija miċ-Ċina dwar l-imxija tal-COVID-19. Trump akkuża lill-WHO li naqqset mid-dover bażiku tagħha biex tiddefendi lid-dinja mill-imxija tal-Coronavirus u għandha tieħu responsabiltà ta’ dak kollu li ġara. “Today I’m instructing my administration to halt funding of the World Health Organization while a review is conducted to assess the World Health Organization’s role in severely mismanaging and covering up the spread of the coronavirus. Everybody knows what’s going on there.”

U d-deċiżjoni ta’ Donald Trump ġabet oppożizzjoni fost oħrajn mill-imprenditur ewlieni Amerikan Bill Gates. Huwa qal li l-waqfien ta’ fondi lill-WHO huwa perikoluż f’dan iż-żmien tal-pandemija meta d-dinja għandha l-iktar bżonn iktar minn qatt qabel il-ħidma tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.

L-Istati Uniti hija l-ikbar kontributur għall-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u s-sena l-oħra ħarġet €400 miljun dollaru f’fondi għall-WHO. Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guterres qal li dan mhux żmien li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa jeqfulha l-fondi, fiż-żmien meta l-komunità internazzjonali għandha tkun solidali fil-ħidma tagħha kontra l-imxija tal-COVID-19.

Fi Spanja, in-numru ta’ mejta fl-aħħar 24 siegħa kien ta’ 523 – ftit inqas mill-bieraħ għalkemm l-infezzjonijiet reġgħu bdew telgħin għalkemm esperti tas-saħħa Spanjoli attribwew din iż-żieda għan-numru ta’ testijiet li qegħdin jiżdiedu u jsiru fost firxa ikbar ta’ nies.

Fir-Renju Unit fl-aħħar 24 siegħa mietu 761 ruħ oħra bil-COVID-19. Fiċ-Ċina għalaq il-bibien l-isptar temporanju li nbena f’għaxart ijiem f’Wuhan minn fejn faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19. L-aħħar pazjenti fih ġew trasferiti lejn l-isptarijiet regolari f’din il-belt. Fil-qalba tal-pandemija f’Wuhan fi Frar, dan l-isptar irċieva mal-għaxart’elef pazjent.