Waqt il-Kafé
Fiex tidħol it-tuffieħa ta’ billudja mal-Gudja?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fil-ktieb “Fuq il-Għajn ta’ San Bastjan”, Kilin isemmi kif kienu jinġabru fuq is-Sur tal-Imdina f’Santa Marija biex jaraw in-nar tas-seba’ rħula fejn jiċċelebraw dil-festa. Ma’ kull murtal, kienu jippruvaw jaqtgħu ta’ liema raħal hu. U kull meta xi ħadd kien isemmi l-Ġudja, kien jaqbeż “Ġużu taz-Ziju Lonzu” li biex jgħajjibhom jgħid “Gudja, tuffieħa ta’ Billudja”.

Il-Gudja dejjem kont inqisu raħal ’il bogħod. Qatt ma jidhirli li morna ’l hemm fi tfuliti u allura għalija dejjem baqa’ mbiegħed. Bdejt narah eqreb meta nbena t-terminal tal-ajruport viċin.

Mill-bogħod, il-Gudja kont ngħarfu għax għandu knisja bi tliet kampnari. Hija l-unika knisja f’Malta li għandha tlieta. U r-raħal mhux marbut man-numru tlieta għall-kampnari biss. Fil-Gudja jsiru tliet festi… għal tliet Madonni. Każin ta’ banda minnhom jiċċelebra l-festa tal-Madonna tar-Rużarju, il-każin l-ieħor jiċċelebra l-festa tal-Madonna taċ-Ċintura waqt li f’Santa Marija jiċċelebra r-raħal kollu.

Hemm kappella antika mdawra biż-żebbuġ, fuq ix-xellug int u dieħel lejn l-ajruport magħrufa bħala ta’ Bir Miftuħ. Dik hija waħda mill-eqdem parroċċi f’pajjiżna u minnha ħarġu ħafna parroċċi oħra. Jiġifieri sekli ilu, għal numru kbir ta’ nies, il-Gudja ma kienx raħal ’il bogħod kif kont narah jien, imma kien il-parroċċa tagħhom.

Fl-1922 fil-Gudja kien inqala’ inkwiet kbir. Tlewmu żewġ fratellanzi fuq statwa, xi nies daru għall-Kappillan u kellu jdabbar rasu. Il-Kurja kienet bagħtet lil Mons. Ġużeppi DePiro ma’ xi membri tas-Soċjetà ta’ San Pawl biex jikkalmaw l-affarijiet sakemm jinstab Kappillan ġdid.

U t-tuffieħa ta’ Billudja fiex tidħol f’dan kollu? Ma tidħol xejn affattu. Il-kliem Gudja u Billudja fl-istess frażi qegħdin biss għat-taqbila. It-“Tuffieħa ta’ Billudja” hija t-tuffieħa normali. Fl-imgħoddi xi nies kienu jirreferu għat-tadama bħal “Tuffieħa t’Adam” u għat-tuffieħa bħala ta’ Billudja. Maż-żmien it-“Tuffieħa t’Adam” waqqgħet l-ewwel parti u saret “tadam” waqt li mit-“Tuffieħa ta’ Billudja” baqgħet “tuffieħa” biss.

Jekk il-Gudja kont narah ’il bogħod, it-tuffieħa wkoll ġejja mill-bogħod… mill-bogħod fiż-żmien… sa minn żmien Adam u Eva. Kulħadd jafha l-istorja tal-parir infami tas-serp lill-ewwel bnedmin biex jieklu t-tuffieħa projbita.

Jgħidu li minn dakinhar il-bnedem ġie kkastigat biex jaħdem ħajtu kollha. Ma kinitx tuffieħa!

Aħbarijiet Oħra
Mużika

Il-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida se jżomm mat-tradizzjoni u jsir fl-Epifanija fis-6 ta’ Jannar f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi l-Belt. Il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jsir b’risq…

Kronaka

L-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinvestigaw il-mewt ta’ priġunier Malti ta’ 26 sena li nstab mejjet. Television Malta jinsab infurmat li l-priġunier neħħa ħajtu. Iż-żagħżugħ kien daħal il-ħabs ilbieraħ,…

Lokali

Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera ħabbar skema għal sajjieda biex jiġbru l-iskart tal-plastik li jinqabad fix-xbieki tagħhom minn qiegħ tal-baħar. Is-sajjieda ser jiġu kkumpensati għal plastik li jinġabar minnhom. Qal li…

Lokali

X Factor Malta qed isejjaħ għall-kontribut ta’ kompożituri u awturi li jixtiequ li l-kanzunetti tagħhom jiġu interpretati mill-kontestanti tal-programm. Il-kanzunetti li jiġu magħżula jiġu interpretati waqt il-‘live shows’ fil-fażi finali…

Aktar