Barranin
Figuri tal-oppożizzjoni fil-Belarussja jisparixxu – Kolesnikova tinħataf mit-triq

Persuni mgħammda ħatfu lill-iktar figura prominenti tal-oppożizzjoni li għad baqa’ fil-Belarussja. Skont xhieda li tkellmu mal-midja, Maria Kolesnikova nħatfet mit-triq meta kienet miexja viċin mużew tal-arti fiċ-ċentru ta’ Minsk, u daħħlet ġo vann iswed li ħarab minn fuq il-post.

Kolesnikova kienet figura ewlenija fil-kampanja tal-oppożizzjoni kontra l-President Alexander Lukashenko, akkużat li bagħbas favurih ir-riżultati tal-elezzjonijiet Presidenzjali li saru f’Awwissu.

L-uffiċjal tar-relazzjonijiet pubbliċi ta’ Kolesnikova kkonferma l-għajbien tagħha mal-midja, iżda huwa wkoll sparixxa f’inqas minn siegħa wara. Tliet kollegi ta’ Kolesnikova fil-kunsill tal-koordinament tal-oppożizzjoni; Anton Rodnenkov, Ivan Kravtsov and Maxim Bogretsov, ukoll qed jiġu rrappurtati nieqsa.

Il-midja Russa kkwotat lill-Pulizija ta’ Minsk jgħidu li ma kinux arrestaw lil Kolesnikova.

Sadanittant, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Litwanja, fejn qed tirċievi kenn il-kandidata tal-oppożizzjoni Svetlana Tikhanovskaya, ikkundanna dak li ġara li Kolesnikova u xebbħu mal-operat tal-pulizija sigrieta fl-Unjoni Sovjetika ta’ żmien Stalin.

Il-Ministeru għall-Intern tal-Belarussja qal li arresta 633 persuna wara r-raba’ tmiem il-ġimgħa ta’ protesti kontra r-riżultat tal-elezzjoni. Tal-inqas erba’ persuni mietu u mijiet indarbu. Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea ma rrikonoxxewx ir-riżultati tal-elezzjoni u qablu li jimponu sanzjonijiet kontra l-Belarussja.

Aħbarijiet Oħra

Il-President Amerikan Donald Trump ħallas biss $750 f’taxxi fuq id-dħul tiegħu fl-2016. Rapport fuq in-New York Times, li kisbet aċċess għal informazzjoni li tmur lura aktar minn 20 sena, jgħid…

Fil-Venezwela kważi 200 persuna li jaħdmu bħala paramediċi fil-qasam tas-saħħa tilfu ħajjithom minn Marzu ‘l hawn kawża tal-imxija tal-Covid-19. Fil-Venezwela nstabu mil-lanqas 68,000 persuna li kellhom il-Coronavirus li minnhom tilfu…

Il-votanti fl-Iżvizzera vvutaw kontra l-proposta li jiġu fi tmiemu ftehim mal-Unjoni Ewropea dwar il-moviment ħieles tal-persuni. Skont SRF, ir-riżultat tar-referndum se jkun 63% b’37%. L-Iżvizzera mhijiex membru tal-Unjoni Ewropea, imma…

Il-forzi tal-Armenja u l-Ażerbajġan qed jiġġieldu dwar ir-reġjun Nagorno-Karabakh, u twaqqa’ tal-inqas ħelikopter wieħed tal-Ażerbajġan. L-Armenja qalet li l-Ażerbajġan beda jattakkaha mill-art u mill-ajru u wara ddikjarat l-liġi marzjali. Min-naħa…

Aktar