Budget
Fil-baġit se jiżdiedu l-għotjiet għax-xiri ta’ karozzi elettriċi

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar li fil-baġit li se jippreżenta ġimagħtejn oħra se jiżdiedu l-għotjiet għax-xiri ta’ karozzi elettriċi.

F’laqgħa ta’ konsultazzjoni f’Għawdex, il-Ministru Caruana qal li għal dan il-għan se jkun hemm allokazzjonijiet sostanzjali li qatt ma kien hawn bħalhom qabel.

Dwar l-iżvilupp il-Ministru Caruana qal li hemm bżonn li nimxu lejn żvilupp iktar sostenibbli sabiex ikollna iktar spazji pubbliċi miftuħa.

Huwa qal li bit-tisħiħ tal-qasam tal-edukazzjoni, Malta kapaċi tilħaq livelli ogħla u li effett ta’ hekk jinħolqu għadd ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda.

Il-Ministru Caruana rrefera għall-pjan fit-tul dwar ix-xogħol li se jniedi l-Gvern fil-jiem li ġejjin u qal li b’dan il-pjan il-pagi tal-ħaddiema se jkunu jistgħu jogħlew ukoll.

Huwa qal li għal darb’oħra l-pensjonanti mhux se jkunu minsija hekk kif hemm ammont ta’ fondi allokati għalihom.

Il-Ministru Caruana tenna li dan se jkun baġit bilgħaqal li waqt li se jindirizza għadd ta’ problemi se jara li l-flus ma jintefqux bl-addoċċ biex f’każ ta’ emerġenza jkun hemm biżżejjed fondi mfaddla.

Huwa qal li bħalma sar f’baġits passati, f’dan il-baġit se tkompli tiżdied in-nefqa soċjali anke lil hinn mill-pandemija.

Waqt li semma li l-baġit li se jippreżenta fil-11 ta’ Ottubru għadu m’huwiex lest, il-Ministru Caruana rrimarka li l-Gvern għadu miftuħ għas-suġġerimenti tan-nies.