Barranin
Fil-Belarus ifeġġ il-coronavirus f’orfanatrofju għal tfal b’diżabilità

Il-coronavirus feġġ f’orfanatrofju għal tfal b’diżabilità fil-Belarus u s’issa nfetta minn tal-anqas 23 persuna. Fl-orfanatrofju Vesnova fid-distrett ċentrali ta’ Hlusk jgħixu 174 bejn tfal u adoloxxenti b’diżabilità severa u b’sistema baxxa ta’ immunità.

Sal-Ħamis, irriżultaw pożittivi għall-Covid-19, 10 membri tal-istaff u 13-il tifel u tifla. L-orfanatrofju appella lill-Gvern tal-Belarus sabiex jirreloka lil dawk morda f’lukandi u f’akkomodazzjoni oħra.

L-orfanatrofju għandu l-appoġġ finanzjarju tal-għaqda tal-karità Irlandiża Chernobyl Children International u jieħu ħsieb lit-tfal abbandunati jew dawk li l-ġenituri tagħhom huma foqra wisq biex irabbuhom.

Il-fundatriċi tal-għaqda, Adi Roche qalet li s-sitwazzjoni fl-orfanatrofju hija “kritika” u li xi tfal huma “morda ħafna.” Żiedet li l-orfanatrofju ħa miżuri biex jipproteġi lil dawn it-tfal iżda ffaċċja diffikultajiet għax jgħixu f’kundizzjonijiet iffullati f’dormitorji.

Qalet li m’hemmx pilloli għal kotra l-uġigħ jew mediċini għal kontra s-sogħla u tinsab imħassba għaliex is-severità tad-diżabilità tat-tfal tfisser li ċ-ċans tagħhom li jirkupraw mill-virus huwa baxx.

L-awtoritajiet fil-Belarus ikkonfermaw li feġġ il-virus f’orfanatrofju iżda ma żvelawx l-ammont ta’ persuni nfettati. S’issa fil-Belarus skont informazzjoni minn Johns Hopkins University, kien hemm 8,773 każ ta’ Covid-19 li minnhom mietu 67 persuna.